Minn għada sal-25 ta’ Lulju Pjazza Tritoni se tkun qed tilqa’ għat-tieni darba l-Malta International Food Festival.
Dan il-festival, li issa daħal għas-seba’ edizzjoni tiegħu, se jkun qiegħed joffri esperjenza unika b’għexieren ta’ kċejjen jingħaqdu fl-istess post.
Fil-fatt, aktar minn mitt kumpanija se jkunu qegħdin jesebixxu x-xogħol tagħhom, fosthom imprendituri, produtturi u importaturi lokali.
Barra minn hekk, dawk li se jżuru dan il-festival se jkunu jistgħu jesperjenzaw ikel minn tnejn u erbgħin kċina differenti, mtella’ minn madwar ħamsin kumpanija differenti.
Fil-festival se tingħata importanza wkoll lill-ikel nutrittiv b’sezzjoni imsejħa ‘bilanċ’ u sezzjoni oħra se tkun qed tilqa’ esebituri bil-vannijiet tal-ikel, fost l-oħrajn.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, qed toffri l-appoġġ tagħha għal din l-inizjattiva.
F’konferenza tal-aħbarijiet li segwiet l-aħħar preparamenti, iċ-Chairman tal-MTA, Gavin Gulia stqarr li l-Malta International Food Festival se jkun qiegħed jgħolli l-prodott turistiku ta’ pajjiżna filwaqt li jagħmlu wieħed aktar diversifikat.
L-organizzatur tal-festival, Jonathan Pace, innota kif dan huwa l-akbar ċelebrazzjoni ta’ ikel internazzjonali.
Il-biljetti għal persuni ‘l fuq minn tnax-il sena jiswew €2 u l-festival se jkun miftuħ mis-sitta ta’ filgħaxija ‘l quddiem.