Minn għada jibda jingħata t-tilqim b’xejn kontra l-influwenza. Għal dan il-għan il-Gvern ordna 100,000 doża ta’ vaċċin bi spiża ta’ ftit inqas minn nofs miljun ewro. L-ewwel tilqim se jingħata lil dawk il-persuni meqjusin ta’ riskju għoli, tfal ta’ taħt il-ħames snin, persuni ta’ età minn 65 sena ’l fuq, persuni b’mard kroniku, u persuni li jagħtu servizz f’istituzzjonijiet magħluqin. It-tilqim se jingħata miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali u mat-tieni ġimgħa jibda jingħata lil kulħadd.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet il-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza staġjonali ta’ din is-sena u li tibqa’ sejra sal-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Fl-istess waqt se tkun għaddejja wkoll kampanja ta’ promozzjoni dwar x’miżuri għandhom jittieħdu biex ikun ikkontrollat kemm jista’ jkun it-tifrix tal-influwenza.
L-aħjar mezz ta’ prevenzjoni kontra l-influwenza huwa t-tilqim. Għal din is-sena l-Gvern qiegħed ikabbar dan il-mezz ta’ prevenzjoni billi se jkun qed jipprovdi vaċċin li jkopri erba’ tipi differenti ta’ influwenza, tnejn tat-tip A u tnejn tat-tip B, dak li jissejjaħ quadrivalent vaccine. Fis-snin preċedenti kien jintuża t-trivalent vaccine, li kien ikopri tliet tipi. Filwaqt li s-sena li għaddiet intefqet is-somma ta’ €270,000 għal 100,000 doża ta’ vaċċin, din is-sena għall-istess ammont se tintefaq is-somma ta’ €495,000. Is-sena li għaddiet kienu amministrati 87,484 doża ta’ vaċċin, b’44% minnhom lil persuni li għandhom 65 sena jew aktar.
L-influwenza, bħala marda li tittieħed, tingħata prijorità minħabba l-effett li tikkawża fuq is-soċjetà, fuq is-sistemi tas-saħħa u fuq l-ekonomiji inġenerali. Huwa kkalkulat li globalment bejn 5 u 15% tal-popolazzjoni tintlaqat minnha u kull sena huwa stmat li tħalli 300,000 fatalità. Huwa appella biex it-tilqim jittieħed kemm jista’ jkun kmieni, idealment matul Ottubru u Novembru biex b’hekk il-protezzjoni provduta tkun fl-aqwa tagħha għal meta jkun mistenni li l-influwenza tkun fl-eqqel tagħha, minn Diċembru ’l quddiem.
F’Malta s-sitwazzjoni tinżamm taħt sorveljanza kemm fil-livell komunitarju kif ukoll fil-livell sekondarju (fl-isptarijiet). Fil-livell komunitarju titħaddem dik li tissejjaħ sentinel surveillance, fejn tobba tal-familja fil-privat kif ukoll dawk fil-bereġ u fiċ-ċentri tas-saħħa jirrappurtaw il-każijiet ta’ influwenza li jiltaqgħu magħhom.
L-aħħar staġun ta’ influwenza (2018-2019) il-livelli kienu għoljin, bl-ogħla wieħed ikun ta’ 162 każ kull 1,000 ruħ. L-ogħla livell intlaħaq fit-tieni ġimgħa tas-sena 2019 (7 -13 ta’ Jannar). Dawn kienu livelli simili għal tas-sena ta’ qabel. Il-ħinijiet tat-tilqim miċ-ċentri tas-saħħa jkunu bejn it-8.00 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ waranofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u s-Sibtijiet mit-8.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, ta’ Raħal Ġdid u tal-Furjana jkunu miftuħin ukoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m.