It-Tlieta filgħaxija fuq l-istazzjon ONE se jixxandar l-ewwel episodju tad-dokumentarju ‘Mija’.
Dokumentarju maħdum b’reqqa u li jħares lura lejn l-aħħar mitt sena tal-Partit Laburista.
It-twelid, l-isfidi, is-suċċessi u l-futur.
Dwar din is-sensiela storika, ONE News tkellem mal-moħħ wara dan id-dokumentarju, is-Sur Mark Farrugia.
Huwa qalilna: “Kien hemm bżonn ta’ ħafna riċerka għaliex m’għandniex xi ngħidu għaliex qed insemmu perjodu ta’ 100 sena. Qed insemmu perjodu fil-bidu nett speċjalment fejn il-materjal viżiv fejn filmati u stampi ma kinux bħalma huma llum bħala kwantità. Ibbażajna fuq ħafna dokumenti. Rajna ħafna gazzetti ta’ dak iż-żmien.”
Tagħna wkoll togħma żgħira tal-ewwel episodju f’din is-sensiela tant mixtieqa. Episodju li ser jinnota l-konċepiment tal-Partit Laburista.
Is-Sur Farrugia qalilna: “Fl-ewwel episodju ħa naraw it-twelid tal-Partit Laburista. Il-kuntest li twieled fih il-Partit Laburista għaliex ovvjament kollox jiġri f’kuntest. Malta tal-bidu tas-seklu għoxrin, Malta ta’ żmien is-7 Gunio, Malta ta’ żmien l-ewwel Gwerra Dinija, it-tnax-il membru l-fundatur tal-Partit Laburista.”
Kull min jixtieq jara dan id-dokumentarju jista’ jagħmel dan fuq l-istazzjon ONE kull nhar ta’ Tlieta fid-disgħa ta’ filgħaxija.