Mit-Tnejn filgħodu, proprju hekk kif ħafna se jirritornaw lejn il-bankijiet tal-Iskola u b’hekk huwa mistenni li jiżdied it-traffiku fit-toroq, it-Triq tal-Barrani, fil-limiti ta’ Ħal Tarxien, se tinfetaħ kompletament għat-traffiku, u b’hekk iż-żona se tkun kompletament aċċessibli.
Dan ix-xogħol infrastrutturali estensiv minn Infrastructure Malta, sar sabiex inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku, hekk kif indirizza ħames junctions.
Dan filwaqt li inkluda l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda, lanes addizzjonali, sistema ġdida ta’ traffic lights, ġie ffaċilitat it-traġitt tas-sewwieqa u ċ-ċiklisti, punti ġodda ta’ qsim pedonali għal dawk li jivvjaġġaw bil-pass – fl-isfond ta’ nofs tomna ta’ landscaping.
Bini ta’ toroq, servizzi ġodda ta’ telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda, sistemi ta’ distribuzzjoni ġodda tal-ilma u tal-enerġija, kif ukoll sistemi tad-drenaġġ.
Biex tmur lejn il-Belt Valletta, jew lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta, issa trid tiġbed lejn Triq il-Ħotba, għat-Triq tal-Barrani.
Jekk tkun ġej min-naħa t’isfel, jew Ħal Għaxaq, se tkun qed tinfetaħ mill-ġdid ir-rotta mit-Triq tal-Barrani għal Triq San Anard, u Triq il-Gudja.
Biex minn Ħaż-Żabbar u l-Fgura tmur lejn Ħal Għaxaq, trid tinżel minn Triq il-Gudja u tiġbed lejn Triq il-Belt Valletta.
Ma nbidel xejn, meta tiġi biex tidħol u toħroġ minn Ħal Tarxien, miż-żona tad-Dar tal-Anzjani.
Jekk tkun ħiereġ minn Ħal Tarxien, lejn Birżebbuġa, jew il-Fgura jew Ħaż-Żabbar, issa se tagħmel dan fuq karreġġjata ġdida.