Bħala parti minn riforma taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, b’effett minn għada t-Tlieta 1 ta’ Mejju 2018, il-Gvern se jwettaq wegħda elettorali oħra li biha l-gwardjani lokali, li aktar ’il quddiem se jibdew jissejħu uffiċjali tal-komunità, se jiġu trasferiti kollha fi closed department mal-aġenzija governattiva LESA.
LESA hi aġenzija regolatorja li twaqqfet matul l-aħħar tliet snin biex proprju tirregola l-operat tal-gwardjani lokali. Bis-saħħa tax-xogħol siewi li qed tagħmel LESA, il-gwardjani lokali se jkunu qed jaqdu dmirijiethom b’lenti aktar mifruxa. Din l-aġenzija se tissokta wkoll b’riformi pożittivi mwettqa kemm mill-aspett edukattiv kif ukoll mill-aspett operattiv. Dan it-trasferiment se jwassal biex din l-aġenzija, permezz tal-gwardjani lokali u tal-preżenza intensiva tagħhom, se jġibu fil-lokalità preżenza ta’ gwardjani lokali viċin aktar il-bżonnijiet tal-komunità.
Din ir-riforma se twassal għal aktar serjetà fl-infurzar lokali iżda wkoll għal sens ta’ sensibilità fl- infurzar. Se titpoġġa enfasi sħiħa fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ għall-gwardjani lokali fejn il-pubbliku se jesperjenza li l-infurzar lokali ma jibqax limitat biss għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda jimraħ f’oqsma importanti oħrajn bħal dawk ambjentali u edukattivi fil-komunitajiet tagħna. Dan se jwassal għal aktar titjib tas-servizz għaċ-ċittadini sabiex ikun hemm aktar kontabilità.