B’miżuri ġodda li ser jidħlu fis-seħħ it-Tnejn fit-8:00 ta’ filgħodu, ser jingħalqu l-ħwienet u s-servizzi kollha li mhumiex essenzjali, filwaqt li l-attivitajiet pubbliċi kollha ser jiġu projbiti.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fid-dawl li s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Coronavirus f’Malta daħlet fi stadju ieħor, dak ta’ tranżmissjoni lokali.
Huwa stqarr: “Issa dħalna ġo stadju ieħor fejn beda jkollna numru żgħir u limitat, imma beda jkollna tixrid fil-komunità u allura dan huwa stadju ieħor li dħalna fih u allura għandna l-miżuri kif konna pjanajna fil-bidu illi japplilkaw għal dan l-istadju.”
Fost il-ħwienet meqjusa mhux essenzjali u li se jintlaqtu mill-miżuri l-ġodda hemm il-ħwienet tal-ħwejjeġ u taż-żraben, tal-basktijiet, dawk li joffru servizzi ta’ teknoloġija u li jbiegħu oġġetti elettroniċi, ħwienet tal-ġugarelli u ħwienet li jbiegħu oġġetti tad-dar.
Ħwienet li mhux ser ikunu affetwati minn din il-miżura huma dawk li jipprovdu servizzi ta’ ikel bħal supermarkets, ħwienet żgħar tal-merċa, il-furnara, ħwienet tal-ħelu u dawk tal-ħut.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa sostna: “Ħa nagħlqu dawk il-ħwienet u din ser tkun mandatorja dawk il-ħwienet li ser ikunu qegħdin jipprovdu servizzi mhux esenzjali…bħal ma ġara f’kazijiet ta’ kwarantina mandatorja u bars u gyms jekk ikun hemm min jikser din il-miżura ser jeħel €3,000.”
It-tieni miżura li ttieħdet hija dik li ser jitwaqqfu s-servizzi kollha li m’humiex essenzjali, fosthom l-istilisti tax-xagħar, dawk li jagħmlu t-tattoos u t-terapisti tas-sbuħija.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll diversi servizzi li ser jitħallew jibqgħu miftuħin, foshom tal-posta, servizzi mediċi, servizzi mill-banek, servizzi tat-trasport u l-Petshops.
It-tielet miżura hija dik li ser jiġu projbiti l-attivitajiet u l-laqgħat pubbliċi kollha. Huwa ħabbar: “B’effett mit-8:00 t’għada filgħodu ser inkunu qegħdin nipprojbixxu kull attività pubblika, public gathering u meetings.”
Il-Ministru ta messaġġ ta’ kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, u qal li Malta ser tgħaddi u tirbaħ din is-sitwazzjoni.
Huwa appella: “Issa huwa mument li ningħaqdu flimkien bħala nazzjon wieħed. Din l-epidemija ser ngħaddu minnha u qed nipprvuaw intawluha għax jekk intawluha ikun hemm inqas straint fuq is-servizzi tas-saħħa tagħna imma ser ngħaddu minnha. U li ngħaddu minnha wkoll irid ikollna pajjiż jaħdem u allura l-miżiru li qed nieħdu huma dejjem miżuri li huma addatti għal stadju tal-epidemija li nkunu qegħdin fih.”
L-informazzjoni kollha u l-lista sħiħa ta’ ħwienet, servizzi u attivitajiet li ser jingħalqu u jiġu projbiti, se tkun fuq il-gazzetta tal-Gvern tat-Tnejn.