13-il ktieb antik li għal għexieren ta’ snin kienu minsija fuq l-ixkafef tal-Bibjoteka Nazzjonali, ingħataw il-ħajja permezz ta’ riproduzzjoni awdjo-viżiva.
Dawn il-produzzjonijiet li b’mod kollettiv qed iġibu l-isem ta’ Deheb il-Karta huma f’forma ta’ doku-drama. Il-produzzjonijiet mhux se jkunu itwal minn erbatax-il-minuta l-wieħed, u jirrakkontaw stejjer tal-imgħoddi li mhumiex wisq magħrufa. Madankollu se jitfgħu dawl fuq kurżitajiet ta’ kif kienet il-ħajja fl-imgħoddi.Ir-rakkonti jvarjaw bejn dawk dwar qtil, gideb li ntesa tul is-snin u skandli li ħasdu lill-gżiritna mijiet ta’ snin ilu.
Tul l-aħħar xhur il-Kunsill Malti għall-Arti eżamina bir-reqqa dawn il-kotba u f’xi ċirkustanzi ttraduċihom mil-Latin u t-Taljan għall-Malti qabel dawwarhom f’siltiet ċinematografiċi.
Waqt it-tnedija ta’ Deheb il-Karta, li saret fil-binja tal-Bibjoteka Nazzjonali, ONE News tkellem ma’ Frederick Testa li kien wieħed mill-mħuħ li qaleb dawn id-dokumenti f’serje awdjo-viżiv.
“Aħna tajnihom feel ta’ film, jiġifieri inti se tara storja mill-bidu sal-aħħar. Li se jiġri hu li min ma jaqrax se jkun jaf bl-istorja mingħajr ma qara u jifhima għax ikun raha b’mod awdjoviżwali. L-istejjer tant huma intriganti, li inti għandek l-iżjed 14 il-minuta u għandek storja, jiġifieri dak li jkun mhux se jiddejaq.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall spjega qal li l-għan tal-roġett hu li jwasslu l-istorja ta’ pajjiżna b’modi konvenzjonali bħall-internet u t-televiżjoni.
“Importanti li nifhmu li permezz ta’ mezzi bħal dawn, f’dan il-każ drama għat-televiżjoni, inxerdu iżjed għarfien tal-kultura Maltija kemm mill-qedem kif ukoll minn żminijiet kontemporanji”.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm il-Ministri Evarist Bartolo u Owen Bonniċi li t-tnejn urew sodisfazzjon għal din l-inizjattiva se titfa’ dawl ġdid ta’ apprezzament lejn dak li naqqax l-istorja ta’ pajjiżna.