Forn antik li fis-seklu għoxrin kien magħruf sew bħala Blackley Bakery u kif ukoll żewġ binjiet magħrufa bħala Kington House u Workers’ Dwelling fil-Pieta se jkunu qed jingħataw il-ħajja mill-ġdid wara snin f’abbandun. Dan hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li approvat li l-bini se jiġi riabilitat f’uffiċini u bini residenzjali.
Blackley Bakery, fetħet il-bibien tagħha fl-1907 fejn kienet mgħammra b’makkinarju mill-aktar avvanzat għal dak iż-żmien. Minbarra forn il-binja kellha żewġ sulari oħra li fihom kienu joqgħodu s-sid, Kington House u kif ukoll l-impjegati.
Il-proposta li ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tirrestawra l-forn antik sabiex jintuża bħala uffiċini filwaqt li ż-żewġ binjiet l-oħra se jkunu qed jinbidlu f’appartamenti.
Fl-istqarrija l-Awtorità qalet li l-Bord approva wkoll permess biex bini antik, magħruf bħala tal-Klawsura f’San Ġiljan, jinbidel f’Boutique Hotel. B’dan il-permess, il-Bord qabel li jittella’ sular addizzjonali. Għalkemm qabel ma dan l-iżvilupp, għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-għoli, id-disinn u d-dehra, il-provediment tal-parkeġġ u affarijiet oħra li għad iridu jiġu diskussi.