F’Marzu ta’din is-sena, l-għadd ta’ nies bla xogħol kien ta’ 4,033 jew 32 % inqas minn Marzu tas-sena li għaddiet. Il-Gvern Laburista fl-2013 wiret madwar 7350 persuna qegħda, li huwa 82% aktar minn dawk qegħda llum.
Meta kien qed jintroduċi t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar is-servizzi ta’ impieg u taħriġ, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li dan l-abbozz ibiddel in-nomenklatura tal-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ, l-ETC, għal “Jobsplus”
Huwa spjega li l-jobsplus l-ewwel li nstema’ kien qabel l-elezzjoni meta ġie ffirmat ftehim bejn il-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali biex jiżdiedu n-nies fil-qasam tax-xogħol. Waqt li ammetta li Malta għad għand deficit fil-ħiliet tal-ħaddiema, il-Ministru Bartolo qal li dan hu mudell kif għandhom isiru l-affarijiet għall-ġid ta’ pajjiżna.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici qal li l-Gvern qed jaqbad id-direzzjoni t-tajba biex wieħed jiddiskutu fil-fond is-suq tax-xogħol. Huwa qal li l-edukazzjoni u x-xogħol jimxu flimkien u għad hemm ħafna xi jsir.