Fil-Jum Ewropew iddedikat għall-lingwi, għall-ewwel darba ġiet ippubblikata politika nazzjonali lingwistika għas-snin bikrin f’Malta u Għawdex.
Din se tolqot tfal sal-etá ta’ 7 snin, fejn se jkunu provduti linji gwida nazzjonali għal edukazzjoni bilingwali.
Dan id-dokument huwa frott ħidma intensiva bejn għalliema u esperti bl-involviment tal-ġenituri, dwar il-ħtieġa li l-iskejjel jingħataw kull appoġġ biex ikollhom strateġija biex l-istudenti jingħataw l-aħjar esperjenza lingwistika.
Matul din it-tnedija, spikkaw diversi lingwi hekk kif studenti minn skejjel differenti qraw siltiet bit-Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż u naturalment bil-Malti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fisser il-bżonn li studenti jingħataw għażla ta’ rotot lingwistiċi differenti biex ‘il quddiem ikollhom aċċess għal aktar opportunitajiet ta’ impjieg. Huwa spjega kif dik il-politika mistennija tiġi estiża għal aktar snin.