L-eks diskoteka magħrufa bħala r-Raffles se tinbidel f’ċentru għall-ħarsien tat-tfal u post ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-proġett, li mistenni jitlesta sa’ Settembru ta’ sentejn oħra, se joħloq mija u ħmistax-il impjieg ġdid f’pajjiżna.
Samuel Formosa, il-Perit ta’ dan il-proġett, spjega li x-xogħol li se jsir se jżomm il-karatteristiċi storiċi tal-binja unika.
Huwa qal: “Din hija binja importanti ħafna. Hija mniżżla bħala binja ta’ Grad 2. Se issir applikazzjoni mal-MEPA biex ovvjament nirrestawrawha minn barra. Il-faċċata se tinżamm mhux se tinbidel u se tibqa’ kollha kif inhi.”
Marion Brincat, id-Direttur tal-grupp li se jieħu ħsieb il-proġett, spjega li fl-istess sular taċ-ċentru se jkun hemm ristorant tal-familji mgħammar b’affarijiet fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu.
Il-proġett se jinkludi wkoll spazju miftuħ li fost l-oħrajn se jkun jista’ jintuża għal attivitajiet soċjali, esebizzjonijiet tal-arti u affarijiet kummerċjali.
Brincat sostna “Dan l-investiment se jkun qed ilaħħaq mal-erba’ miljun ewro. Se nkunu qegħdin ninvestu mhux biss fuq ġewwa imma se nkunu qegħdin nagħtu wkoll lir-residenti tal-madwar.”
Is-sidien tal-proġett qed jipproponu wkoll sabiex fuq barra jkun hemm żewġ gabbani u post ta’ rikreazzjoni li l-pubbliku jkun jista’ jaċċessah b’xejn.