Din il-ġimgħa bdew jitqassmu l-ewwel grupp ta’ mediċini użati għall-kundizzjoni tal-osteoporożi fl-ispizeriji tal-Pharmacy of Your Choice, il-POYC.
Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew ġie ppubblikat avviż legali li, permezz tiegħu, żdiedet il-kundizzjoni tal-osteoporożi fil-lista tal-kundizzjonijiet għal trattament mediku bla ħlas.
Waqt żjara fil-maħżen tac-CPSU, l-entità li tixtri l-mediċini u tagħmir mediku għas-sistema tas-saħħa pubblika, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, spjega kif l-ewwel trattamenti li żdiedu fuq il-formularju tal-gvern għal din il-kundizzjoni huma l-Calcium u l-Vitamina D u kif magħhom se jingħaqdu mediċini oħrajn għal din il-kundizzjoni b’mod gradwali.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa stmat li madwar 20,000 persuna se jgawdi minn dawn il-mediċini b’xejn għal din il-kundizzjoni, li l-maġġoranza tagħhom huma persuni li għandhom ‘il fuq minn ħamsin sena.
“Qed nistmaw li ħa jibbenefikaw minn dawn il-mediċini ġodda mingħajr ħlas madwar 20,000 ruħ, li sal-lum għax l-osteoporożi ma kinitx fuq il-kartuna s-safra u allura ma kellniex dawn il-mediċini fuq il-formula tal-Gvern, riedu dawn il-mediċini jixtruhom. Minn issa dawn il-mediċini ħa jkunu mingħajr ħlas u allura dawk il-pazjenti illi għandhom l-osteoporożi u jixtiequ jakkwistaw dawn il-mediċini mingħajr ħlas se jmorru għand it-tabib tal-familja tagħhom jew l-ispeċjalista ġewwa l-isptar u jagħmilhom ir-riċetta biex huma wkoll ikollhom il-kartuna s-safra.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne
Id-Deputat Prim Minsitru rringrazzja lill-ħaddiema tac-CPSU tal-impenn tagħhom biex jissupplixxu lis-sistema tas-saħħa bil-mediċini neċessarji għall-pazjenti minkejja l-kriżi internazzjonali fil-provvista tal-mediċini. Huwa fakkar li tul din l-ewwel sena ta’ leġiżlatura ġdida diġà hemmsebgħa mediċini ġodda li żdiedu fuq il-formularju, filwaqt li twessa’ iżjed l-intitolament għall-mediċini eżistenti sabiex żdiedu l-persuni li qegħdin jirċievu l-mediċini bla ħlas.