Minn dan ix-xahar, is-sistema ta’ sigurtà diġitali tal-identità elettronika (eID) se tiġi msaħħa sabiex tkompli tipproteġi l-identità tad-detenturi kollha li għandhom kont tal-eID, fejn se tkun qed tiġi implimentata two-factor authentication (2FA) sabiex tkompli tiżdied is-sigurtà. It-2FA tintuża sabiex jiġi żgurat li l-persuna li qed tipprova taċċessa l-kont online hija verament dik il-persuna.
It-2FA se tiġi implimentata f’diversi fażijiet u skont l-età, bl-ewwel fażi tkun għall-individwi li għandhom bejn l-14 u s-16-il sena. Id-detenturi tal-kont tal-eID se jkunu qegħdin jiġu notifikati meta se jkun imisshom li jattivaw it-2FA u sa meta t-2FA trid tkun attivata.
Sabiex jiġi attivat it-2FA, id-detenturi tal-kont tal-eID għandhom jidħlu fuq eid.gov.mt fejn l-ewwel iridu jawtentikaw l-email tagħhom billi jdaħħlu l-kodiċi ta’ verifika li jintbagħat fl-indirizz tal-email tagħhom. Wara li jiġi attivat, se jingħataw l-għażla kif għandhom jirċievu l-kodiċi ta’ verifika meta jidħlu fil-kont tal-eID, jew permezz tal-email, SMS, jew l-App Authenticator. L-Aġenzija Identità Malta se tkun qed tinforma wkoll lill-pubbliku, permezz tal-mezzi tal-media soċjali tagħha u oħrajn, billi tipprovdi linji gwida dwar kif persuna għandha tattiva t-2FA.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li din is-sistema ta’ 2FA hi bżonnjuża sabiex tkun assigurata l-protezzjoni tal-informazzjoni ta’ persuni li jagħmlu użu mill-eID. Huwa kompla jispjega kif dan il-mezz ta’ verifikazzjoni se jkompli jsaħħaħ l-isforzi kontra s-serq tal-identità online u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet frodulenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta, il-Kurunell Mark Mallia spjega li din il-proċedura tnaqqas b’mod sinifikanti s-serq tal-identità u forom oħra ta’ frodi online.
Għal aġġornamenti dwar ħidmet Identità Malta, żur il-paġna tal-Aġenzija fuq Facebook jew is-sit elettroniku.
L-Aġenzija Identità Malta ppubblikat lista ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar it-tibdli li se jidħol fis-seħħ.