Aħbarijiet pożittivi fi ftit jiem dwar it-trasport pubbliku huma turija ċara li f’dan il-qasam kien hemm turnaround. Fejn sa tliet snin ilu, il-pubbliku kien jitkellem dwar is-servizz bħala fjask, illum qed inkompli jiġi rreġistrat titjib wara l-ieħor.
L-aħbar li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 15% fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, flimkien maż-żieda ta’ 7,000 persuna li għandhom tallinja card u l-aħbar li tallinja app ħadet il-premju tal-aħjar mobile application tas-sena 2016, huma kollha ċertifikat ta’ fiduċja fit-trasport pubbliku.
“Għalkemm intenni li għad baqa’ fejn jista’ jsir titjib fis-servizz, ninsab sodisfatt għall-isforzi li qed tagħmel il-kumpanija Malta Public Transport, bl-impenn ukoll ta’ Transport Malta bħala r-regolatur, biex aktar individwi jibdew jagħżlu t-trasport pubbliku bħala mezz alternattiv,” qal il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan huwa sinjal kbir ta’ inkoraġġiment biex il-kumpanija tkompli tinvesti f’aktar titjib fis-servizz fiż-żmien li ġej. Fil-fatt, il-kumpanija ħabbret li se tkompli tintroduċi iżjed vetturi ġodda fiż-żmien li ġej u servizzi diretti li jkompli jilħqu aktar nies u joffru modi aktar effiċjenti biex passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Filwaqt li fl-amministrazzjoni preċedenti kellna ċertifikat ta’ diżastru, kif anke kienu ammettew id-diriġenti stess tal-kumpanija ta’ qabel, din id-darba għandna ċertifikat differenti. Ċertifikat pożittiv fejn aktar ma jgħaddi ż-żmien, minflok ikompli jikkrolla, għandna servizz li qed ikompli jtejjeb fuq li diġà hemm.