L-Assoċjazzjoni tal-Malta Girl Guides (MGG) għadha kif eleġġiet lil Karen Buttigieg, bħala l-president il-ġdida tagħha, wara li ntemm it-terminu ta’ sitt snin li matulu Dorothy Lapira serviet bħala President.
Karen Buttigieg issieħbet fil-moviment meta kienet għadha żgħira bħala Brownie mal-grupp tal-Mosta u għadha attiva sal-lum. Tul is-snin, saret leader u assumiet diversi rwoli u responsabbiltajiet fi ħdan l-organizzazzjoni, speċjalment billi kkontribwixxiet fl-oqsma tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-programm edukattiv.
F’dawn l-aħħar 11-il sena, Buttigieg kienet membru fuq il-bord tat-tmexxija u tal-kunsill tal-MGG minħabba li okkupat il-karigi ta’ Kummissarju Internazzjonali u ta’ Viċi Kummissarju. Hija għandha esperjenza vasta fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u r-relazzjonijiet esterni u taspira li l-assoċjazzjoni tkun iktar influwenti billi tabilħaqq tagħmel differenza f’ħajjet it-tfajliet f’Malta, irrispettivament mill-età, is-sitwazzjoni soċjali, ir-razza, il-ħiliet jew il-kultura tagħhom. Bħalissa hija lettur fid-Dipartiment tal-Bijoloġija fil-Junior College li jaqa’ taħt l-Università ta’ Malta.
Il-programm tal-MGG joffri opportunitajiet ta’ sfida li jrawmu ħiliet ta’ tmexxija fost it-tfajliet membri. Permezz ta’ programm divertenti u mimli avventura, il-membri jiskopru u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom filwaqt li jagħmlu d-differenza fil-komunità tagħhom.
Fir-ritratt jidhru Karen Buttigieg (xellug) u Dorothy Lapira (lemin).