It-turisti qegħdin ifittxu iktar minn qatt qabel, speċjalment fix-xhur xitwin, li joqogħdu f’binjiet, li minnhom innifishom huma storiċi, għal esperjenza differenti.
Sa seba’ snin ilu fil-Belt Valletta l-postijiet ta’ akkomodazzjoni turistiċi kont tgħoddhom fuq id waħda. Illum għandna madwar tletin palazz jew proprjetà li ġew restawrati u maqluba f’boutique hotels, appartamenti lussużi, lukandi żgħar jew guest houses. Fis-sentejn li ġejjin dawn il-postijiet mistennija jiżdiedu b’għexieren oħra biex b’hekk fil-Belt Valletta biss ikun hemm madwar disa’ mitt kamra disponibbli għall-akkomodazzjoni.
F’waħda minn dawn il-palazzi restawrati tas-seklu sbatax, Palazzo Prince D’Orange, Jankarl Farrugia, direttur ta’ kumpanija li topera l-boutique hotels f’pajjiżna, stqarr magħna li ż-żieda ta’ dan it-tip ta’ lukandi hija dovuta mhux biss għaż-żieda fit-turisti imma għall-bidla fil-mod kif pajjiżna qed ikun reklamat bħala pajjiż ta’ kultura u storja u mhux biss bħala destinazzjoni tal-baħar u x-xemx. U meta wieħed isemmi l-kultura u l-istorja, naturalment li jiġi f’moħħok huwa l-Belt Valletta.
Apparti dan, iż-żieda fil-kummerċ fil-Belt Valletta, in-numru dejjem jiżdied ta’ festivals organizzati fil-kapitali, u l-V18 li tulha l-Belt se tingħata prominenza bla preċedent huma fatturi oħra li qed iħajru l-investituri jirristrutturaw u jiftħu postijiet ta’ akkomodazzjoni fiż-żona.
“L-interess huwa kbir, anke kif wieħed jista’ jara jekk jimxi tul it-toroq tal-Belt. Tara ħafna postijiet li qed jiġu ristrutturati biex joffru forom ta’ akkomodazzjoni kemm bħala appartamenti kif ukoll lukandi li mhumiex kbar,” qalilna Farrugia, li spjega kif il-postijiet jew joffru ftit kmamar kbar li jistgħu saħansitra jkollhom iktar minn sular wieħed, jew kmamar kemxejn iżgħar, li ma jaqbżux l-erbgħin f’lok wieħed.
Minbarra l-lussu u servizz personalizzat li joffru dawn il-lukandi, it-turisti jfittxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni għal raġuni iktar partikolari.
“Klijent li jfittex dan it-tip ta’ akkomodazzjoni huwa wieħed li qed jiġi joqgħod hawn biex ikun parti mill-istorja, ikun fiċ-ċentru tal-Belt Valletta, fejn l-iskop ewlieni jkun li jiskopri dak li jkun kulturali, artistiku u storiku kemm ġol-Belt u anke barra.”
Fisser li għalhekk huwa kruċjali li l-investituri jżommu l-palazzi u l-proprjetajiet restawrati leali għall-arkitettura oriġinali tagħhom, bil-gosti kollha fil-ġebla, l-art, il-ħitan u s-soqfa tal-epoka ta’ meta nbnew. Farrugia sostna li, minkejja li hemm min jagħmel kuntrast bejn l-istil modern u dak antik, ħafna jagħżlu li jżommu totalment l-att klassiku u rustiku tal-binja.
Minħabba ċ-ċokon ta’ dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni nħoloq kunċett ġdid ta’ għaqda fost l-operaturi li bih jinqasmu r-riżorsi umani u ma jintilfux turisti minħabba nuqqas ta’ spazju. Jankarl Farrugia stqarr li peress li hija normali li, minħabba konferenzi jew attivitajiet kbar, il-Belt Valletta tattira gruppi numerużi, kellha tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ nuqqas ta’ kmamar fl-istess lukanda, għalhekk, bi ftehim bejniethom, il-klijenti jinxterdu f’diversi proprjetatjiet.
L-istess ftehim ta’ koperazzjoni jkopri aspetti loġistiċi u operattivi tal-lukandi. Il-lukandi żgħar Beltin qed jaqsmu wkoll is-servizzi ta’ swimming pools, spas jew servizzi personali offruti bħal maġġordomi, kokijiet u gwidi personali.
Dan ukoll fi sforz biex ma jogħlewx b’mod drastiku r-rati, u s-suq jibqa’ kompetittiv.
Fejn l-iktar li qegħdin dawn il-lukandi żgħar?
Lokalitajiet | Numru ta’ Lukandi Żgħar |
Il-Belt Valletta | 34 |
San Ġiljan | 12 |
Għawdex | 9 |
Il-Birgu | 9 |
Tas-Sliema | 7 |
Ir-Rabat | 7 |
In-Naxxar | 6 |
Bormla | 4 |
Isla | 4 |
S’issa, la l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u lanqas awtoritajiet barranin ma jirrikonoxxu l-boutique hotels bħala kategorija speċifika ta’ lukandi, għax m’hemmx definizzjoni ċara ta’ x’għandu jkollhom akkomodazzjonijiet bħal dawn biex ikunu kkunsidrati bħala lukandi differenti
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ilha għal dawn l-aħħar xhur tikkollabora ma’ bloggers u travel journalists barranin, foshom Ġermaniżi, Franċiżi, Ingliżi u Taljani, fejn f’pajjiżna jingħataw togħma tal-kultura Maltija, fost oħrajn billi jagħtuhom akkomodazzjoni f’dawn il-boutique hotels fil-Belt Valletta. Lura f’pajjiżhom, l-artikli tagħhom joffru reklam li jirrifletti aspetti ta’ pajjiżna li ħafna barranin ma jkunux konxji tagħhom.