L-ewwel purċissjoni li jmiss f’dan iż-żmien tar-Randan hija dik tar-Redentur li tiġi ċċelebrata f’diversi parroċċi li nsibu f’Malta u Għawdex.
Wieħed mill-istatwarji ta’ żmien ilu, li għamel statwi tar-Redentur fost il-ħafna oħra li għamel, kien Saverio Laferla. Jingħad li Laferla qabel tħajjar jibda din is-sengħa ta’ statwarju kien barbier.
Tgħallem din l-arti mingħand mgħallem Sqalli u huwa meqjus bħala l-ewwel statwarju f’pajjiżna li uża t-teknika tal-kartapesta.
L-ewwel vari li għamel kienu għall-Fratellanza tal-Kurċifiss tal-Belt Valletta, li magħhom kien ukoll fratell. Minn hawn ħa l-fama u ħadem statwi f’Ħaż-Żebbug u wara fin-Naxxar.
Saverio Laferla twieled viċin is-sena 1710 u miet fid-19 ta’ Jannar tal-1761.
Din is-sena l-purċissjoni tar-Redentur se tkun qed issir il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu.
Ritratt: Wiċċ ta’ Kristu tal-istatwa tal-marbut mal-Kolonna li tinsab fil-Knisja tan-Naxxar, li saret mill-artist Saverio Laferla.