Sal-bidu ta’ Awwissu tas-sena d-dieħla mistenni jkun hemm titjib fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol permezz ta’ miżura li se tistipula leave ta’ għaxart ijiem għall-ġenituri.
Dan se jkun qed jinkoraġġi responsabbilità maqsuma fit-trobbija tat-tfal li se tgħin sabiex il-ġenituri jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tal-familja tagħhom.
Dan qalu l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela waqt laqgħa fl-Università ta’ Malta li fiha ġie diskuss tibdil propost fil-liġi dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Il-Ministru Carmelo Abela sostna li l-Gvern diġà qabad it-triq tal-implimentazzjoni tad-direttiva rigward il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, bis-sehem tad-dipartiment tax-xogħol kif ukoll b’kordinament kontinwu mal-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Permezz tal-leave tal-ġenituri, minflok jirrikorri għar-reduced hours jew jitlaq mix-xogħol ikun jista’ jagħmel użu minn dawn is-sigħat.
Enfasizza li l-Gvern irid li fis-suq tax-xogħol ikun hemm liġijiet tajbin li ma jagħmlux distinzjoni bejn id-diversità, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess jew id-diżabilità.
Qal li huwa għalhekk li jeħtieġ issir konsultazzjoni aħjar biex insaħħu s-suq tax-xogħol.
Qal kif, “Se nkomplu nikkonsultaw mhux biss lill-Università ta’ Malta u lil-letturi li jinsabu f’din l-Università imma li nkomplu nikkonsultaw lis-soċjetà inġenerali mhux lanqas is-sħab soċjali l-oħra li huma rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem ħalli flimkien inkomplu nagħmlu bidla f’dan il-pajjiż u nkomplu nagħtu aktar drittijiet li magħhom jiġu wkoll id-dmirijiet imma nkomplu wkoll nagħtu kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema u lill-familji tagħna.”
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Professur, Josann Cutajar mill-Fakultà tal-Ġid tas-Soċjetà kif ukoll il-Pro-Rettur tal-Università, il-Professur Carmen Sammut.
Il-Pro-Rettur stqarret li t-tibdiliet proposti fil-liġi għandhom jikkunsidraw l-elementi differenti tas-soċjetà.
Barra minn hekk, ġew trattati wkoll is-suġġetti tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur kif ukoll r-realtà tax-xogħol mid-dar.
Qalet, “Tkellimna wkoll fuq l-leave għall-ġenituri u kif naħsbu li nixtiequ dan l-leave jiġi mwettaq hawn Malta. Kellna interventi wkoll mill-Manager għar-Riżorsi Umani u kif qed jintuża t-telework u x-xogħol mid-dar u l-problemi li jinqalgħu meta jintużaw dawn l-affarjiet. Tkellima wkoll fuq ‘equal work for work of equal value’.”