F’April li ġej mistenni jkun hawn il-magni li jagħtu r-rifużjoni għall-kontenituri tal-plastik.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif hemm konsorzju privat li se jħaddem din l-iskema.
Saħaq li biex naslu għal dan l-iżvilupp importanti favur l-ambjent, hemm bżonn tliet affarijiet.
Il-Ministru Farrugia spjega li hemm il-ħtieġa ta’ liġi li l-Gvern fassalha u tinsab fi stadju avvanzat biex tidħol fis-seħħ.
Qal li l-konsorzju privat imbagħad qed iħejji fabbrika f’Ħal Far, li kważi nbniet.
Il-Ministru Farrugia qal li mbagħad ikun hemm il-magni għall-konsumaturi biex isir riċiklaġġ tal-plastik.
Qal, “Il-fatt illi jkollok dawn ir-reversed machines illi permezz tagħhom ikunu jistgħu jinġabru dawn il-fliexken. B’hekk in-nies ikollhom opportunità illi jdaħħlu l-fliexken ġewwa l-magna, jieħdu token lura biex b’hekk inkunu nistgħu niġbru sa mis-sena d-dieħla, 70% ta’ dak li jitpoġġa fis-suq.”
Fil-Parlament, il-Ministru Aaron Farrugia aċċenna li l-iskema hija mħaddma mill-privat, li wkoll għamel l-investiment u l-Gvern huwa biss ir-regolatur.
Spjega, “Is-sabiħ tal-iskema mhuwiex li ħa ssir imma ħa ssir mill-privat, jiġifieri rresponsabilizzajna lill-importaturi u l-manifatturi tal-beverage containers mhux tal-plastik biss imma pereżempju tal-aluminium, tal-ħġieġ, tal-plastik u oħrajn. U allura jien bi pjaċir ngħid l-investiment ta’ ’l fuq minn 14-il miljun ewro illi qed jagħmel il-privat, il-Gvern mhu qed jonfoq xejn hawnhekk, il-Gvern qiegħed biss regolatur, għandna s-Circular Economy Agency illi hija r-regolatur ta’ din l-iskema.”
Malta hija fost l-ewwel ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għamlet bidla kbira billi l-ewwel ipprojbixxiet l-importazzjoni mbagħad il-bejgħ ta’ plastik użat ta’ darba.
Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq li dan huwa fatt pożittiv fl-impenn ta’ Malta favur l-ambjent.
Fl-aħħar xhur Malta ittriplat ir-riċiklaġġ tal-plastik tal-Maltin.
Is-sena l-oħra l-WasteServ qabżet l-ammont ta’ skart riċiklat li kien immirat għal dik is-sena, biex b’hekk kisret ir-rekord tal-ammont ta’ skart riċiklat f’sena, hekk kif ġew riċiklati aktar minn dsatax-il elf tunnellata ta’ materjal riċiklabbli.
Sa qabel tmiem is-sena l-oħra r-rekord kien diġà nqabeż b’elf tunnellata.