Fl-ewwel ġimgħa tal-offerta tagħha għal min irid jirreġistra b’xejn għat-Tallinja Card, jirriżulta li l-kumpanija Malta Public Transport irċeviet ’il fuq minn 10,596 applikazzjoni ta’ persuni li approfittaw ruħhom.
Kien nhar l-Erbgħa li l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ħabbar li, fl-ewwel ġimgħa, kien hemm iżjed minn għaxart elef persuna li applikat għal din l-offerta, li għandha għaddejja sal-aħħar ta’ Frar.
Issa jirriżulta lil ONE News li kien hemm tlieta u tmenin fil-mija ta’ dawk li applikaw f’dan il-perjodu li huma Maltin u Għawdxin, bil-maqlub tal-perċezzjoni li bdiet tinxtered fuq il-midja soċjali. Fil-fatt minn dawk kollha li applikaw, 8,776 persuna għandhom karta tal-identità Maltija.
Mit-total li applikaw fl-ewwel ġimgħa, kien hemm aktar minn sitt elef tliet mitt adult, mal-elf u ħames mija u tlettax fi tfal u kważi l-istess għal dawk bil-Kartanzjan jew karta tal-identità speċjali, tmin mija u ħamsa u sebgħin student u tliet mija u ħamsa u ħamsin Għawdxi.
Meta wieħed iqabbel dawn iċ-ċifri ma’ ġimgħa biss qabel fetħet l-offerta, kien hemm differenza ta’ 1,399 reġistrazzjoni iżjed għat-Tallinja Card.
Sakemm għaddejja l-offerta f’dan il-perjodu, persuna tista’ tirreġistra għat-Tallinja Card b’xejn fuq is-sit tal-publictransport.com.mt.
Detenturi tat-Tallinja Card illum mhux biss huma intitolati għal trasport pubbliku b’xejn fuq ir-rotot kollha, iżda issa jista’ jivvjaġġa b’xejn ukoll fuq is-servizz tal-ferry bejn il-Belt u Tas-Sliema u bejn il-Belt u l-Kottonera, flimkien mal-użu tal-lift tal-Barrakka ta’ Fuq.