Aktar minn 200 Veneżweljan, li l-amministrazzjoni ta’ Trump qed tallega huma membri ta’ gang, kienu deportati mill-Istati Uniti għall-ħabs ta’ siġurtà massima f’El Salvador minkejja l-fatt li imħallef tal-Istati Uniti imblokka dan l-att.
Il-President ta’ El Salvador, Nayib Bukele, f’kitba fuq il-mezzi soċjali, qal li 238 membru tal-gang mill-Veneżwela Tren de Aragua kienu waslu fil-pajjiż tal-Amerika Ċentrali flimkien ma’ 23 membru tal-gang internazzjonali MS-13 il-Ħadd filgħodu.
Ħadd mid-detenuti ma kien identifikat kemm mill-Istati Uniti u lanqas minn El Salvador u lanqas ingħataw dettalji tal-krimini li allegatament wettqu jew is-sħubija tagħhom mal-gangs.
L-Imħallef James Boasberg ta’ Washington DC ħareġ ordni biex iżżomm lill-amministrazzjoni ta’ Trump milli tinvoka liġi tal-gwerra ta’ mijiet tas-snin ilu sabiex uħud minn dawn id-deportazzjonijiet ikunu ġustifikati iżda t-titjiriet kienu diġà telqu.
Is-segretarja tal-midja tal-White House, Karoline Leavitt, innegat li kienet ġiet vjolata ordni tal-qorti u qalet li l-ordni, li ma kellha l-ebda bażi legali, kienet inħarġet wara li t-terroristi kienu diġa tneħħew minn fuq it-territorju tal-Istati Uniti.