L-adozzjoni huwa suġġett li niddiskutu bosta drabi, mhux biss fuq programmi televiżivi iżda anke mal-familjari tagħna, mal-ħbieb u l-kollegi.
Ħafna drabi fiċ-ċentru tad-diskussjoni jkun hemm il-proċess li jgħaddu minnu dawk il-ġenituri li jkunu jixtiequ jaddottaw u anke l-esperjenza tat-tfal li jiġu addottati. Esperjenza li ma tistax tiġi spjegata aħjar minn persuna li propju ġiet addottata.
Fuq il-programm PJAZZA, qasmet l-esperjenza tagħha l-kantanta Maltija, Miriam Christine Borg li ġiet addottata mill-Brażil. Miriam Christine stqarret meta kienet iżgħar kienet tħossha differenti hekk kif hija ma kinitx tixbaħ lill-ġenituri tagħha.
Filfatt, hija kienet waħda mill-ewwel trabi mill-Brazil li ġew addottati minn ġenituri Maltin u spjegat li l-proċess għall-ġenituri tagħha ma kienx wieħed faċli, iżda kien proċess twil u diffiċli. Stqarret li tħossha iffortunata għax minn età żgħira l-ġenituri tagħha spjegawla l-istorja tagħha u dejjem qalulha l-verita, iżda tkelmet f’isem tfal addottati oħra u esprimiet li minkejja li tkun taf li ġejt minn pajjiż ieħor xorta jkollok numru ta’ mistoqsijiet dwar l-oriġini tiegħek u li din hija xi ħaġa naturali.
Hawnhekk appellat lil ġenituri addottivi, li huwa żball li wieħed ma jgħidx il-verità quddiem mistoqsijiet bħal dawn u li huwa importanti li t-tfal jingħataw tweġiba għall-mistoqsija tagħhom.
Miriam Christine, irnexxielha tiltaqa’ mal-familjari tagħha fil-Brażil u minkejja dan xorta waħda qalet li ma tibdel Malta ma ebda pajjiż ieħor.
Il-programm PJAZZA tkellem dwar dan u aktar flimkien ma Carmen Buttiġieġ mill-Awtorità ċentrali tal-addozzjoni.