Minkejja l-pandemija, il-persuni f’pajjiżna mċaħħda materjalment severament, naqsu bi kważi disa’ mija matul is-sena li għaddiet.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li filwaqt li fl-elfejn u dsatax, in-numru ta’ persuni mċaħħda b’mod sever f’pajjiżna kien ta’ sbatax-il elf, ħames mija u sitta, dan in-numru niżel għal sittax-il elf, sitt mija u sitta u tletin is-sena l-oħra.
F’termini perċentwali, dawn naqsu minn tlieta punt sitta fil-mija fl-elfejn u dsatax, għal tlieta punt tlieta fil-mija fl-elfejn u għoxrin.
Dan ifisser kif f’sena li globalment rat miljuni ta’ persuni jitilfu xogħolhom, f’pajjiżna żdiedu n-nies li raw titjib fil-kwalità ta’ ħajjithom.
Dawk meqjusa bħala persuni mċaħħda materjalment b’mod sever huma l-persuni li ma jaffordjawx minn tal-inqas erba’ oġġetti minn fost lista’ ta’ disa’ affarijiet.
Fost dawn hemm btala ta’ ġimgħa bogħod mid-dar, kontijiet jew self mill-bank, ikla bil-laħam, tiġieġ jew ħut kull jumejn, magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ, karozza u mobile.
Fattur ieħor li jissemma f’din il-lista huwa li familja tkun kapaċi żżomm darha sħuna fix-xitwa.
L-istħarriġ sab li l-aktar nefqiet li ma kinux jaffordjaw il-familji s-sena l-oħra kienu btala ta’ ġimgħa bogħod mid-dar u spejjeż mhux mistennija li jaqbżu s-seba’ mija u erbgħin ewro.
L-istatistika hija riżultat ta’ stħarriġ Ewropew dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien magħruf bħala l-European Statistics on Income and Living Conditions.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali nnota li apparti dawn il-persuni mċaħħda severament, in-numru ta’ nies imċaħħda materjalment mill-elfejn u tlettax sas-sena l-oħra, naqas b’aktar minn tmienja u tletin elf persuna. Tnaqqis ekwivalenti għal aktar minn tnax fil-mija.
Dan ifisser li filwaqt li fl-elfejn u tlettax, wieħed minn kull ħames persuni kien imċaħħad materjalment, illum hawn inqas minn wieħed minn kull għaxra li jħossuhom hekk.
Bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u tlettax, dawn kienu żdiedu għal tletin elf persuna.
B’dawn iċ-ċifri jirriżulta kif fl-ewwel seba’ snin tiegħu, il-Gvern preżenti neħħa ż-żieda kollha li kien hemm fil-faqar bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u tlettax.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon kif minkejja l-pandemija, dawk imċaħħda materjalment severament naqsu bi kważi disa’ mija.
Innota wkoll kif il-miżuri ta’ awsterità fl-elfejn u disgħa, kienu wasslu għal żieda ta’ tlett elef persuna mċaħħda severament, hekk kif l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet naqqset id-defiċit u żiedet il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Il-Prim Ministru qal li taħt tmexxija ta’ Gvern progressiv, isseħħ differenza bil-fatti fil-ħajja tan-nies.