Minkejja li l-midja internazzjonali rrappurtat b’ottimiżmu li kien jidher fi-qrib ftehim bejn Iżrael u l-Hamas sabiex tiġi fi tmiema l-gwerra li ilha għaddejja 15-il xahar u anke jiġu mitluqa għexieren ta’ ostaġġi li qed jinżammu f’Gaza, l-attakki mill-ajru minn Iżrael fuq id-djar fl-istrixxa ta’ Gaza komplew ilbieraħ filgħaxija fejn skont il-Ministru tas-Saħħa ta’ Gaza mill-anqas 17-il Palestinjan kienu maqtula.
Il-katavri ta’ 11-il persuna ddaħħlu fl-isptar ta’ Al Aqsa Martyrs wara li attakk farrak dar f’Deir al-Balah filwaqt li ieħor qatel sitt persuni u ġew midruba sebgħa oħra f’kamp tar-refuġjati f’Nuseirat.
Madwar mitt ostaġġ għadhom jinżammu f’Gaza, fejn mill-anqas terz minnhom huma maħsuba mejta. Nhar is-7 t’Ottubru 2023, militanti tal-Hamas kienu wettqu attakk fin-Nofsinhar ta’ Iżrael li ħalla 1,200 ruħ mejta filwaqt li ttieħdu 250 ostaġġ.