Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, qal li, fil-kuntest tal-isfidi li baqgħu jiddominaw, dan il-Gvern baqa’ jħabbar u jieħu inizjattivi favur il-Maltin u l-Għawdxin.
Huwa qal dan waqt l-intervista li ta fuq ONE Radio, meta aċċenna fost l-oħrajn għat-tħabbira ta’ numru ta’ inizjattivi li jagħtu aktar drittjiet lill-ħaddiema.
“Il-mod ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva x’se tkun tfisser għall-ħaddiema? Għax, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd irid ikun jaf kif se tolqot lilu b’mod pożittiv. Qed nitkellmu, allura, fuq żieda fil-liv tal-paternità, żieda fil-liv tal-ġenituri, u l-introduzzjoniji tal-carers’ leave.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Kien hawn li l-Prim Ministru rrefera wkoll għall-kritika tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward.
“L-Oppożizzjoni qaltilna li ‘m’għamiltux biżżejjed’. Hekk qalulna, imma mbagħad, jien ngħid, din hija l-istess Oppożizzjoni li meta kienet fil-Gvern ħadet il-liv mingħand il-ħaddiema? Ma ninsewx li kellna Oppożizzjoni li serqet il-liv mingħand il-ħaddiema u konna aħna, mill-2017 ’l quddiem li, b’mod sistematiku, il-liv li l-Oppożizzjoni serqet mingħand il-ħaddiema tajnieh lura kollu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fil-ħidma tal-Gvern fl-implimentazzjoni tal-manifest tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Huwa għamel aċċenn ukoll għall-wegħda tal-Partit Laburista li, f’mitt jum biss, jgħaddu mill-Parlament emendi importanti fil-liġi tal-IVF, li permezz tagħhom aktar koppji jistgħu jsiru ġenituri.
“Kien hemm ħafna li ddubitawna jekk hux se nagħmluha. Tajna l-kelma, tfanieha fil-manifest elettorali u fil-manifest intrabatna li nagħmluha f’100 ġurnata, u għamilniha f’100 ġurnata għaliex konna nafu li kull ġurnata li tgħaddi tfisser tbatija żejda għal ħafna u ħafna ġenituri prospettivi, u dik kienet realtà li ma stajniex naħarbu minnha. Kif jista’ Gvern b’qalb u ruħ Soċjalista jinjora t-tbatijiet ta’ sezzjoni fil-popolazzjoni fil-pajjiż tagħna, żgħira kemm hi żgħira?”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela tkellem ukoll dwar il-vot parlamentari li permezz tiegħu issa art fiż-Żonqor u f’Bormla se tingħata lura lin-nies biex b’hekk tkun twettqet wegħda elettorali oħra; proposta li l-Oppożizzjoni fil-Parlament ivvutat kontriha wkoll.
“Rajna Oppożizzjoni li vvutat kontra li tant għexieren ta’ eluf ta’ metri kwadri ta’ art verġni jittieħdu lura u jingħataw lura lin-nies u jkollok Oppożizzjoni li tivvota kontra. Bl-istess mod, art ġewwa Bormla vvutat kontra li tingħata lin-nies, u dan x’jurik? Jurik li għandna Oppożizzjoni li sofriet l-ikbar telfa elettorali li qatt sofriet u baqgħet ma tgħallmet xejn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru elenka l-ħidma li għaddejja bħalissa f’numru ta’ oqsma, fosthom fil-qasam tal-ġustizzja.
“Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed niżguraw li nagħtu aktar riżorsi lill-qrati tagħna biex ikomplu jżidu fl-effiċjenza tagħhom. Hemmhekk ukoll,, naturalment hija effiċjenza li ġġibha billi, iva, ikollok iktar riżorsi imma wkoll bil-bidliet fil-mentalità wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela temm jgħid li tul dan is-sajf irid jara lill-poplu jgawdi l-vaganzi, issa li qed ngħixu n-normalità.
“Jien irrid nara l-poplu tagħna li jgawdi s-sajf tiegħu. Igawdi l-vakanzi, igawdi l-bajjiet, igawdi l-festi, igawdi l-kunċerti; kellna kunċert ieħor sabiħ ħafna, tara l-entużjażmu tan-nies f’din il-ġimgħa. In-nies igawdu n-normalità sħiħa. Il-piż tat-tmexxija jerfgħu kollu l-Gvern.”
Il-Prim Ministru Robert Abela