Matul l-aħħar jiem l-Enemalta kompliet iżżid ir-riżorsi sabiex tagħmel tajjeb għall-interruzzjonijiet fil-provista tal-Elettriku minħabba l-ħsarat fin-network kawża ta’ temperaturi għolja li laqtu lill-Mediterran.
Il-Ġimgħa filgħaxija kienu rreġistrati seba ħsarat prinċipali fin-netwerk tal-vultaġġ għoli, li l-biċċa kbira tagħhom kienu kkawżati fil-cables ta’ taħt l-art. L-inġiniera u l-ħaddiema għamlu minn kollox biex il-provvista terġa’ lura fl-inqas ħin possibli, billi intużaw konnessjonijiet alternattivi fl-istess inħawi. Minkejja dan, xi lokalitajiet milquta ngħataw il-provvista lura, s-Sibt hekk kif tlestew it-tiswijiet fuq il-cables ta’ taħt l-art.
Biex jissewwew il-ħsarat fil-cables jieħu l-ħin u jkunu nvoluti diversi ħaddiema speċjaliżżati u kuntratturi biex tkun identifikata eżatt il-ħsara mar-rotta tal-cables. Dan ix-xogħol jinkludi t-tħaffir, it-tiswijiet u wara l-ittestjar tal-cables imsewwija.
ONE News żar il-lant tax-xogħol u tkellem mal-Inġinier Alistair Camilleri fi ħdan L-Enemalta, dwar is-sitwazzjoni bħalissa.
“Li qed jiġri s-sħana qed takkumula. It-toroq qegħdin jisħnu u l-ġebel u t-terrapen ta’ taħt qed jisħon. Dan qed jillimita il-cables milli jkollhom il-cooling effect tagħhom effiċjenti. Cable ma jkunx sempliċiment cable imma jkun hemm components oħra bħal m’huma l-ġonot li għandhom life time. L-effett tas-sħana, normalment iżid l-ageing tal-ġonta u din l-iktar diffett li jkollha tiddetorjorha iktar malajr.”
Fissrilna kif cable wieħed kapaċi jaqta’ l-provista f’partijiet kbar fl-istess inħawi.
“Il-cables u s-substations huma maqgħudin flimkien qisek qed tara kuruna. Meta biċċa minn cable tinqata’, is-substation li huma mitmugħin minn dik il-biċċa cable se jintfew. Il-cables l-oħrajn ikunu jistgħu jerfgħu il-load ta’ dawk il-partijiet affetwati. Normalment meta jkollna ħsara f’madwar sagħtejn inkunu xgħelna lil kulħadd. Isir switching biex kull min kien mitmugħ mill-cable il-ħażin li ġġarab il-ħsara issa jdur fuq il-cables alternattivi biex dawn in-nies jibqgħu fis-supply”
Tlabnih jispeċifika jekk il-ħsarat humiex kollha parti mill-infrastruttura antika.
“Għandna cables kemm ġodda u kemm antiki però mhux il-każ li l-cables l-antiki qed ifallu. Fil-kaz ta’ warajna dawn il-cables m’ilhomx aktar minn 15-il sena u falliet ġonta li mhix eqdem minn 15-il sena. Madankollu iċ-ċirkustanzi jwasslu li tfalli ġonta li ma tkunx qed tistenna.”
Tkellimna ma’ Camilleri dwar l-investimenti li saru mill-Enemalta u kemm dawn qed jaffetwaw is-sitwazzjoni bħalissa.
“Li kieku ma sarx l-investiment li kien qed isir nażżarda ngħid li l-ħsarat u d-dewmien kienu jkunu iktar.”
Mistoqsi dwar x’manutenzjoni ssir tul is-sena, Camilleri saħaq li din issir kontinwament.
“Manutenzjoni issir il-ħin kollu. Fil-każ ta’ cables dawn ma jistgħux jinbidlu allura li nagħmlu, ma jistgħux jinbidlu għax int għandek meddi ta’ eluf ta’ kilometri, ma tistax toqgħod tibdel il-cables. Allura li nagħmlu nżidu magħhom biex dejjem nirrillivjawhom. Innaqsu il-piż li qed iġorru minn fuqhom u nitfugħhom fuq il-ġodda.”
Meta jkun hemm qtugħ fil-provvista tal-Elettriku, il-klijenti jistgħu jinfurmaw lil Enemalta permezz tan-numru 8007 2224, in-numru 153 jew billi jidħlu fuq enemalta.com.mt/report-power-cut-form/
Wieħed jista jirreġistra biex ikun infurmat b’notifiki b’SMS dwar ħsarat u tiswijiet billi jibgħat sms fuq 79052492.