Żewġt irġiel li ngħataw il-libertà proviżorja wara ġlieda nhar it-Tlieta 31 ta’ Mejju f’Paceville, li allegatament fiha kienet intużat xabla, baqgħu jżommu dan id-dritt tal-libertà proviżorja minkejja l-Appell tal-Avukat Ġenerali biex jiġi revokat.
Mohammed Alli Al Musrati, Libjanta’ 36 sena, u Hossein Oumoueimilan, Iranjan ta’ 24 sena, qed jiġu mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi lil żewġ persuni oħra.
L-Imħallef Aaron Bugeja, li sema’ l-appell tal-Avukat Ġenerali, ġibed l-attenzjoni għall-fatt li n-notifika dwar l-appell għandha terminu ta’ mhux aktar minn ġurnata xogħol. Dan ma seħħx, minħabba li n-notifika saret fit-3 ta’ Ġunju minflok fit-2 ta’ Ġunju. Dan il-punt saħansitra tqajjem mill-avukati difensuri.
L-Imħallef Bugeja qal li l-iżball huwa attribwit lir-Reġistratur, u li kieku l-iżball għamlu l-Avukat Ġenerali kieku kienet tkun storja oħra.
Fuq Mohammed Alli Al Musrati kienet imposta garanzija personali ta’ €5,000 filwaqt li Hossein Oumoueimilan kien mitlub jiddepożita €4,000 u jagħmel garanzija personali ta’ €6,000. Waqt il-proceduri fil-Qorti, l-akkużati wieġbu li mhux ħatja u l-każ mistenni li jkompli jinstema l-Ġimgħa.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Jean Paul Attard filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Al Musrati u għal Oumoueimilan.