“Minjaf kemm hawn nies ħajjin grazzi għall-ħidma tiegħek.”
Dan kien wieħed mill-mijiet ta’ kummenti b’reazzjoni għall-mewt tal-pumpier tal-Protezzjoni Ċivili Joseph Zammit.
Fi stqarrija maħruġa l-Ħadd filgħaxija ġie spjegat kif wara li kien għadu kif tefa nirien ġewwa Pembroke, Zammit, missier ta’ 48 sena minn Birżebbuġa żviluppawlu problemi mediċi bil-konsegwenza li ntilef minn sensih. Minkejja kull tentattiv li sar minn sħabu u minn tim mediku mill-isptar Mater Dei Zammit tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fl-Isptar.
Fi stqarrija d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ddeskriva lil Zammit bħala uffiċjal eżemplari li ta servizz għal snin twal. F’dan il-mument diffiċli, d-Dipartiment qal ukoll li se jagħmel minn kollox biex ikun viċin il-familja tiegħu.
Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri f’isem il-Gvern ta l-kelma lid-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili li se jkun ta’ spalla f’dak kollu li teħtieġ il-familja u kollegi tiegħu f’dan il-mument f’dan il-mument iebes.
One News joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Zammit u l-kollegi fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.