Ser nilqa’ lil kulħadd b’idi miftuħa hu min hu.
Kliem l-Isqof il-ġdid tad-Djoċesi Għawdxija Anton Teuma, li f’intervista ma’ dan l-istazzjon, meta misqtosi dwar persuni divorzjati, qal b’mod ċar li ser ikompli jaħdem biex jipprova jfejjaq il-qlub ta’ persuni mweġġa’, li xi drabi ġew imweġġa’ mill-knisja stess.
“Preżentejna lil Ġesu bħala Imħallef, milli tabib, pulizija milli social worker. Din il-qalb ħanina ta’ Alla li tilqa’ lil kulħadd fiha u ma tiġġudikax il-persuna dejjem isalvaha. Trid tkun approach ta’ kull saċerdot, nisrani u isqof – qalb miftuħa biex tilqa’ lill qlub midruba xi drabi anke mill-knsija stess.”
Fuq l-Omosesswalità, bħal Papa Franġisku, Monsinjur Teuma staqsa “jien min jien biex niġġudika lil dawn in-nies” u li bħal kulħadd dawn jistħoqqilhom l-ogħla rispett.
“Jekk il-Papa Franġisku ħassu li ma jistax jiġġudika dawn il-persuni lanqas jien ma nista’ niġġudika l-ebda persuna, anzi dawn il-persuni bħal kull persuna oħra jistħolina rispett, akkoljenza u imħabba.”
L-Isqof tad-Djoċesi Għawdxija semma kif il-Knisja, f’dawn iż-żminijiet moderni, għandha taħdem aktar sabiex terġa’ tiġbed lejha ż-żgħażagħ li ntilfu mill-merħla, iżda aktar minn hekk saħaq li trid taħdem aktar biex tara li dawn iż-żgħażagħ ma jaqgħux fil-vizzji – partikolarment tad-droga.
“Il-ħidma tagħna trid tkun baħala knisja biex nedukaw id-domanda iġifieri jekk iż-żgħażagħ għandu domanda għall-ferħ u kuntentizza rridu nuruħ x’inhi. Li tkun kuntent u ferħan ma jfissirx li tintilef minn sensik għal nofsija, siegħa, nofsthanar jew kemm iddum id-doża imbagħad terġa’ tiġi agħar milli kont .”
Mistqosi kif ikun qassis tajjeb, Dun Anton Teuma qal li saċerdot tajjeb huwa dak li jifhem u jħobb lill-bniedem hu kif inhu.
Dwar jekk membru tal-Kurja Għawdxija jaffaċja akkużi ta’ abbuż fuq minorenni, l-Isqof Teuma ċar u tond qal li hemm regoli u li l-Knisja ma tistax taħbi dan l-iżball.
“Jiddispjaċini li jekk il-Knisja taqa’ f’dan l-iżball jiġifieri prattikament tkun qed terġa’ tirrepeti l-iżball ta’ qabel. Qabel konna nsalavaw wiċċ il-Knisja billi nagħttu u issa nsalvaw wiċċ il-Knisja billi nikxfu. Ma rridux ninsew lill-akkużat iżda lanqas ninsew lill-perpetrator”
Dun Anton Teuma, imwieled ix-Xagħra Għawdex, ftit tal-jiem ilu ġie maħtur bħala d-disa’ Isqof tad-Djoċesi Għawdxija u ħa post l-Isoqf Mario Grech.
Deskritt bħala Isqof umli u twajjeb, Dun Anton se jżomm il-kariga li kellu fit-terapija tal-familja.