Il-Ministru għad-Difiża Ukren, Oleksii Reznikov qal li r-Russja qed tippjana attakk ġdid, u wissa li dan jista’ jibda nhar l-24 ta’ Frar, għeluq is-sena mindu r-Russja bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna.
B’kitba fuq il-mezzi soċjali, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-unika mod li jitwaqqaf it-terroriżu Russu huwa billi tegħelbu permezz ta’ armamenti fosthom tankijiet tal-gwerra, ġettijiet tal-ġlied u missili li jitwasslu f’distanzi twal.
Fil-fatt, riċentament l-Ukrajna, għamlet numru ta’ appelli biex jintbagħtu ġettijiet biex tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha minn attakki mill-ajru. Dawn it-talbiet saru wara li l-Ġermanja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit qablu li jibagħtulhom tankijiet tal-gwerra.