Il-Ministru għat-Turiżmu Palestinjana, Rula Maayah, u s-Sindku ta’ Betlem, Hanna Hanania, ġew ippreżentati kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu u Salib ta’ Malta waqt laqgħa li kellhom ma’ grupp ta’ Maltin.
Fil-preżenza tar-rappreżentant ta’ Malta għall-Palestina, Franklin Aquilina, tal-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Betlem ,Elias Alarja, tal-Maġistrat Joe Mifsud, tar-Rettur ta’ Dar Arka, Dun Michael Galea, u numru ta’ Maltin u Għawdxin, is-Sindku ta’ Betlem innota r-relazzjoni b’saħħitha u pożittiva ferm li hemm bejn Malta u l-Palestina.
Huwa appella biex, bħalma għandu r-raħal ta’ Għajnsielem, aktar lokalitajiet Maltin u Għawdxin formalment jissiġillaw il-ħbiberija ma’ Betlem.
Ir-Rappreżentant Malti, Franklin Aquilina, saħaq li l-messaġġ ta’ Malta għall-Palestina huwa favur il-paċi u l-ġustizza u qal li dan l-istess messaġġ qed jitwassal mir-rappreżentanti ta’ pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Ministru tat-Turiżmu Palestinjana nnutat li l-grupp Malti li bħalissa jinsab fl-Art Imqaddsa huwa wieħed minn tal-bidu li qed iżur Betlem din is-sena, u għamlet referenza wkoll għar-relazzjoni pożittiva li hemm bejn Malta u Betlem.
“Il-Palestinjani jħobbu lil Malta u lill-Maltin. Nittama li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, naraw aktar turisti Maltin hawnhekk,” ikkummentat il-Ministru Maayah.
Il-Maġistrat Joe Mifsud, li għalih din hija t-32 żjara tiegħu fil-Palestina u li rritorna bħala pellegrin, ġie mfaħħar għall-ħidma tiegħu sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ popli.