L-istudju Fun Fit 5, li ġie mniedi f’ Ottubru li għadda, jinsab fl-aħħar fażi tiegħu.
L-istudju qed janalizza l-eżerċizzju fiżiku fost studenti tar-raba’ sena mill-iskejjel primarji tar-Rabat, taż-Żejtun, u ta’ Tal-Pietà u kif dan jinfluwenza l-iżvilupp psikoloġiku u akkademiku tat-tfal.
Dan qed jservi ta’ benefiċċju għall-iskejjel sabiex ikomplu jħeġġu lit-tfal jipparteċipaw f’eżerċizzji fiżiċi kuljum.
L-istudju qed isir permezz ta’ sessjonijiet li jevalwaw il-benefiċċji kwantifikabbli ta’ dan it-taħriġ fiżiku fuq il-benesseri tat-tfal.
Fun Fit 5 qed jiġi kkoordinat mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, li tagħmel parti mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Malti u qed isir b’kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizzi tal-Komunità fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza, u t-Teknoloġija.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ħabbru din il-kollaborazzjoni matul sessjoni ta’ taħriġ fil-Buskett.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Fonfazzjoni Inħobb il-Futbol, Gareth Sciberras; il-Kordinatur tal-Proġett, Mark Gatt; il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul; u d-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Francine Pace Caruana.
Il-Ministru Clifton Grima faħħar il-programm pilota u qal li l-istudju qed jaspira li jġib bidla innovattiva li se tgħin biex nifhmu, napprezzaw, u norganizzaw l-eżerċizzju fiżiku fl-iskejjel Maltin.
“Aħna rajna li nwessgħu l-iskop ta’ dan il-proġett u allura llum ninsabu fi spazju miftuħ fejn għandek l-ambjent u t-tfal, u allura għandek attività fiżika li dawn it-tfal qegħdin jesperjenzaw.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan l-istudju qed isir id f’id mal-konsultazzjoni pubblika li tnediet b’rabta mal-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050.
“Inkunu qedgħin nipproteġu s-saħħa mentali tagħhom u allura issa nistennew ir-riżultati ta’ dan il-proġett ħalli naraw kif dan il-proġett jista’ jitla’ fuq skala ikbar.”
Project Green, l-aġenzija li hija responsabbli biex toħloq aktar spazji miftuħa, ġonna, u parks fil-komunitajiet tagħna, qed tappoġġa dan l-istudju.