“Il-preżenza ta’ ċinju ferut fil-bajja ta’ San Tumas turi biċ-ċar li hawn min ma’ ħaqqux ikollu liċenzja ta’ kacca jekk fil-fatt min fera dan iċ-ċinju huwa illiċenzjat”. Stqarr dan Mark Mifsud Bonnici, il-president ta’ Kaċċaturi San Ubertu, fi stqarrija ftit tal-ħin ilu.
“Huwa tal-mistħija li hekk kif l-għaqdiet prinċipali tal-kaċċa qed jgħatu sehemhom għall-konservazzjoni billi jitimgħu ċ-ċinji f’Għawdex, jiġi ferut ċinju minn xi persuna li probabbilment għanda liċenzja tal-kaċċa. Kaċċaturi San Ubertu KSU iħaddnu l-istess prinċipju ta’ l-akbar għadu tal-kaċċaturi, dak ta’ tolleranza zero lejn l-abbuż u bħala tkeċċi kwalunque membru li jinstab ħati ta’ tali abbuz”.
Il-KSU ħeġġet liż-żewġ għaqdiet l-oħra biex jiddikjaraw tali prinċipju pubblikament. Żiedet tgħid li “fin-nuqqas ta’ dan, l-awtoritijiet, m’għandhomx jikkonoxxu dawn l-għaqdiet għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-kaċċa”.
Il-Kaċċaturi San Ubertu qalu li “mhux aċċettabli li xi individwi, minħabba l-injoranza u egoizmu tagħhom, qed iħammġu isem il-kaċċatur li josserva l-liġi. Il-KSU ħeġġet lil-għaqdiet kollha tal-kaċċa, il-Qrati, is-soċjetajiet tal-ħarsien tal-għasafar, il-Pulizija u l-pubbliku biex jaħdmu flimkien biex tali abbuż jiqata’ u min ħaqqu, jeħel dak li jmissu.