Bejn illum u għada, id-delegati Laburisti se jkunu qed jagħżlu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
Fi stqarrija l-Ministru Edward Scicluna qal li fl-aħħar ġimgħat kellu l-opportunità li jżur id-distretti kollha u jiltaqa’ personalment mal-maġġoranza assoluta tad-delegati.
“Laqgħat li servew biex mingħandhom tgħallimt ħafna, u matulhom saru suġġerimenti li huma fl-interess tal-partit, tal-Gvern u tal-pajjiż. Suġġerimenti li jinkwadraw ruħhom perfettament fil-pjan tiegħi għar-rwol ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Labursita. Pjan li diġà qed naħdem fuqu.”
Il-Ministru qal li kellu ċ-ċans jisma’ x’kellhom xi jgħidu d-delegati – l-għeruq tal-Partit, u li jemmen li dak li l-Partit Laburista kiseb s’issa “nistgħu nżidu miegħu bil-kbir.”
“Filwaqt li nirringrazzja lid-delegati Laburisti tal-appoġġ li tawni fl-aħħar ġimgħat, inwiegħdhom li npoġġi lili nnifsi għad-dispożizzjoni tagħhom, tal-Partit u tal-pajjiż biex flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat naffaċċjaw l-isfidi li dan il-pajjiż għandu u se jkollu quddiemu. Hekk għamilna fil-leġislatura li għaddiet u hekk se nkomplu nagħmlu f’din,” temm jgħid Scicluna.