“Li kieku f’pajjiżna tħaddmet il-politika mħaddna mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, kieku bħala medja, kull min f’Jannar 2020 kien jonfoq €20 fil-ġimgħa fuq petrol, minflok illum jonfoq €25 fil-ġimgħa. Fl-istess waqt fuq diżil kieku min f’Jannar 2020 kien jonfoq €20 fil-ġimgħa llum qed jonfoq €26 fil-ġimgħa.”
Dan ħareġ f’analiżi tal-gazzetta “It-Torċa”, imsejsa fuq ċifri tal-Kummissjoni Ewropea, li ġew ippubblikati fil-Weekly Oil Bullettin fl-aħħar ġimgħa.
Dawn iċ-ċifri juru kif Malta hija l-pajjiż bl-orħos prezz tal-fjuwils madwar l-Unjoni Ewropea, fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet li ġew irreġistrati fl-aħħar jiem.
L-ogħla prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea bħalissa huwa fl-Olanda, fejn litru petrol jiswa żewġ ewro u tmien ċenteżmi, li jfisser erbgħa u sebgħin ċenteżmu ogħla minn Malta.
Fl-Iżvezja qed iħallsu l-ogħla prezz tad-diżil b’medja ta’ żewġ ewro u ħames ċenteżmi, li huwa erbgħa u tmenin ċenteżmu aktar minn pajjiżna.
It-Torċa rrimarkat kif f’pajjiżna, il-prezzijiet tal-fjuwils baqgħu stabbli. Fil-fatt, il-gazzetta ssemmi t-tmexxija ta’ Robert Abela, li minn meta sar Prim Ministru, il-prezz ta’ litru petrol madwar l-Ewropa żdied b’medja ta’ tmienja u tletin ċenteżmu, u tad-diżil b’sitta u tletin ċenteżmu.
B’kuntrast, f’Malta l-prezzijiet tal-petrol u d-diżil huma 7 ċenteżmi orħos milli kienu f’Jannar 2020.
Quddiem dawn l-iżviluppi fil-qasam tal-enerġija, it-Torċa tagħti ħarsa lejn li kieku pajjiżna qed jitmexxa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista bil-politika tagħha tal-fjuwils li l-prezzijiet lokali għandhom jirriflettu dawk internazzjonali.
Fil-fatt, it-Torċa tgħid li kieku llum, il-konsumaturi Maltin minflok iħallsu ewro u erbgħa u tletin ċenteżmu għal kull litru petrol, kieku qed iħallsu ewro u disgħa u sebgħin ċenteżmu.
Għad-diżil, minflok ewro u wieħed u għoxrin ċenteżmu, kieku l-Maltin qed iħallsu ewro u erbgħa u sittin ċenteżmu.
B’dawn iċ-ċifri, it-Torċa saħansitra tikkalkula li, li kieku f’dawn l-aħħar sentejn u nofs persuna tixtri 15-il litru fjuwil fil-ġimgħa, kienet tispiċċa tonfoq ħames mija u erbatax-il ewro aktar.