Mingħajr is-servizz pubbliku, il-Gvern ma kienx ikun kapaċi jwettaq il-miżuri straordinarji li saru tul il-pandemija biex ikunu sostnuti l-familji u n-negozji.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-indirizz tiegħu ta’ konferenza bit-tema “Insaħħu s-Servizz Pubbliku” li se tagħlaq il-kapitlu tat-tiġdid tas-servizz pubbliku u tiftaħ dak tat-tisħiħ tal-istess servizz.
Huwa stqarr: “F’dawn l-aħħar xhur, qatt ma kellna prova aħjar ta’ kemm is-servizz pubbliku huwa flessibbli kif ukoll effiċjenti, tant li jagħraf ikun hemmhekk dejjem bħala spalla għan-nies.”
Il-Prim Ministru semma fost l-oħrajn ix-xogħol bla preċedent li sar dwar il-kunċett tax-xogħol mid-dar, magħruf bħala Remote Working, li ssarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar fi żmien ta’ sfidi kbar.
Dr Abela tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għas-servizz pubbliku fiż-żmien li ġej, imsejjes fuq it-teknoloġija, in-nies u s-servizz. Dan bi ppjanar għaqli u effiċjenza biex mill-isfidi jinħoloq futur aħjar.
Il-Prim Ministru sostna: “Fil-fehma tiegħi, is-servizz pubbliku għandu jara kif jibqa’ leader, mexxej, kif wera tul dawn ix-xhur tal-pandemija, dejjem fuq quddiem. Dan għaliex illum il-ġurnata, ħadd ma jiddubita mil-livell għoli ta’ servizz li joffri s-servizz pubbliku lill-klijenti tiegħu, lin-nies.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li qatt fl-istorja tas-servizz pubbliku ma sar xogħol, f’perjodu daqshekk qasir.
Fakkar kif lura fl-2013, dan il-Gvern kellu viżjoni ċara ta’ fejn irid jasal, u wasal, b’investiment ta’ xejn inqas minn mitejn miljun ewro mifrux fuq sitt snin.
Meta tkellem dwar il-viżjoni fis-settur għas-snin li ġejjin, il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li s-servizz pubbliku jrid ikun wieħed ta’ eċċellenza fil-ħames snin li ġejjin.
Is-Sur Cutajar qal,“Forsi hemm min jgħid, is-servizz pubbliku servizz t’eċċellenza? Ngħidilkom biss li fl-elfejn u tlettax konna ftit li emminna li nistgħu nirranġaw is-servizz pubbliku. Illum hemm poplu sħiħ jemmen li kapaċi ninbidlu u kapaċi nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”
Huwa rrefera għal stħarriġ lokali li wera kif tliet kwarti tal-poplu Malti u Għawdxi jemmen li saret qabża enormi fejn jidħlu servizzi online, u sittin fil-mija jemmnu li s-servizz pubbliku tjieb ħafna mill-2013 ’l hawn.