Jekk tifel jew tifla ma jkollomx dar diċenti li toffrilhom bżonnijiet soċjali bażiċi bħal ikel bnin u ambjent san, ma nistgħux nippretendu li l-edukazzjoni se tirnexxi. Dan kien il-messaġġ li qal il-Ministru Evarist Bartolo waqt li kien qed jindirizza l-kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropeja ġewwa Ċipru.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u mhux xiħaġa strettament tal-Ewropa. Dan qed jingħad biex anki dawk li ġejjin minn soċjetajiet fejn mhux imdorrija bid-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u d-demokrazija jridu jiġu mgħallma, u dawn il-valuri jridu jaċċettawhom huma ukoll.
Ir-realtà ta’ tradizzjonijiet u valuri differenti m’għandhiex tfisser li dawk li jaslu biex jgħixu f’soċjetà demokratika, jmorru kontra dawn il-valuri. Il-Ministru Bartolo qal li r-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna huwa parti mid-demokrazija, u mhux bħala moda jew korrettezza politika.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li t-taħlit ta’ tradizzjonijiet u kulturi differenti joħloq skumdità u sfidi għall-kulħadd,għax kulħadd irid jagħmel sforz biex jaddatta ruħu għal-din is-sitwazzjoni ġdida u irridu nkunu sensittivi lejn il-bżonnijiet ta’ kulħadd, inkella jidħlu dawk li jxerdu l-mibegħda u jinqdew bid-diffikultajiet biex idawru n-nies kontra xulxin u jħarbtu s-soċjetà.