Ix-shadow minister Nazzjonalista, Jason Azzopardi, mhux biss għażel li ma jweġibx mistoqsijiet ta’ ONE NEWS iżda rrapporta lill-ġurnalista tagħna lill-Pulizija.
Dan wara li barra l-uffiċċju tal-kostitwenza stennietu biex titlob spjegazzjonijiet wara l-aħħar żviluppi b’rabta mad-deal tal-Lowenbrau.
Azzopardi, li qed jevita d-daħla tal-Parlament fejn ikun hemm il-ġurnalisti, qed jinsisti li jirrifjuta li joffri spjegazzjonijiet.
Għall-mistoqsija tagħna wara li sar magħruf li tal-Marsovin ħarkuh bħala xhud, Azzopardi rrepeta biss li l-Ministru Owen Bonnici qed jigdeb u jidher li minnufih ċempel lill-Pulizija.
Fil-fatt fi stqarrija permezz tal-Partit Nazzjonalista qal li għamel rapport lill-Pulizija. “Nistenna li l-Pulizija tagħmel xogħlha,” qal Azzopardi.
Dan għax skont hu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti tagħna huma intimidazzjoni.