- IL-QASAM TAL-GAMING ILLUM JIKKONTRIBWIXXI 11.3% TAL-EKONOMIJA TAGĦNA MINN 7.4% KIF KIEN FL-2012
- DAN IFISSER €1.1 BILJUN FL-EKONOMIJA
Il-figuri juru kif sena wara sena, l-industrija lokali tal-logħob dejjem tibqa’ tirreġistra tkabbir fuq is-sena preċedenti. Dan kien rifless fir-Rapport Annwali tas-sena 2017, maħruġ riċentement mill-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA). Tkabbir irreġistrat minkejja t-twissijiet tal-Oppożizzjoni li l-politika tal-Gvern kienet qed tnaffar l-investiment u li l-kumpaniji tal-gaming kienu se jitilqu minn pajjiżna.
Matul l-aħħar 5 snin, l-MGA għaddiet minn proċess ta’ trasformazzjoni. L-Awtorità kibret u tgħallmet mill-episodji kollha li għaddiet minnhom, kemm dawk pożittivi u anke dawk inqas pożittivi, u b’kaġun ta’ dan, issaħħet u saret regolatur tal-logħob mudell għad-dinja kollha. L-MGA tħaddan reputazzjoni globali ta’ livell għoli ħafna u għal ħafna drabi, speċjalment fis-snin riċenti, kienet minn ta’ quddiem nett fejn jidħlu politiki u proġetti ġodda fir-regolamentazzjoni tal-logħob.
Dawn il-punti jidhru bis-sħiħ meta wieħed iqabbel l-Indikaturi ta’ Prestazzjoni Ewlenin (KPIs) tal-2012 ma’ dawk tal-2017. Fl-2012, mit-taxxa tal-logħob, l-MGA rreġistrat dħul ta’ €48.8 miljun waqt li b’żieda ta’ 21%, fl-2017, l-MGA rreġistrat dħul ta’ €59.1 miljun. Din iż-żieda tinkludi wkoll żieda fin-numru ta’ liċenzji tal-logħob remot, fejn fl-2012 kien hemm 410 liċenzja waqt li fl-2017 kien hemm 625, żieda ta’ 52%. Huwa stmat li fl-2012, l-industrija tal-logħob kienet responsabbli għal 7.4% tal-valur gross nazzjonali, waqt li fl-2017 l-industrija kienet responsabbli għal 11.3% tal-istess valur gross, persentaġġ li jammonta għal ftit aktar minn €1.1 biljun. Fl-aħħar ħames snin, l-industrija tal-logħob żiedet l-ammont ta’ nies impjegati fiha bi kważi 4,000 impjieg, fejn fl-2012 kienet tħaddem 2752 persuna waqt li fl-2017 kienet tħaddem aktar minn 6,600 persuna.
Ir-riżultati miksuba kienu l-frott tal-viżjoni tal-MGA. L-MGA dejjem fittxet li tevolvi u tħaddan approċċ dinamiku li jikkorrispondi mal-bżonnijiet ta’ industrija tant moderna u dinamika. L-Awtorità dejjem fittxet li tagħmel l-aqwa użu mit-teknoloġija disponibbli fis-suq għall-benefiċċju tagħha u tal-operaturi liċenzjati magħha u li tinkorpora filosofija fejn ir-regolamentazzjoni u l-ħarsien tal-ġugaturi jkunu fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħha. Dan urietu biċ-ċar meta nediet proġetti bħal ‘Licensee Relationship Management System’ (LRMS), fejn ħolqot mezz ta’ komunikazzjoni diġitali u post waħdieni għal-liċenzjar mal-operaturi eżistenti u prospettivi tagħha, biex b’hekk naqqset ukoll il-burokrazija. L-MGA dejjem inkorporat u fittxet ukoll li taqbel ma’ kull direttiva tal-UE, inkluża b’mod speċjali r-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, fejn ħolqot unità superviżorja ddedikata għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u sabiex tkun konformi ma’ dak li titlob il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU.)
Sabiex tkun tista’ taċċerta l-aqwa ġestjoni tas-settur tal-logħob, l-Awtorità, wara snin ta’ tħejjija u ħidma kontinwa, ressqet Att Ġdid dwar il-Logħob fil-Parlament Malti fejn ġie approvat u aktar tard fl-2018 ser jidħol fis-seħħ. L-MGA fasslet dan l-Att abbażi tar-rispons mill-industrija, mill-operaturi u mill-partijiet interessati tal-logħob u abbażi tal-lezzjonijiet li l-Awtorità tgħallmet matul iż-żminijiet, fejn grazzi għall-qafas regolatorju ġdid, l-approċċ tal-MGA lejn l-industrija ser ikun jista’ jsir wieħed abbażi tar-riskju.
“Bħalissa l-Awtorità qed taħdem bis-sħiħ biex timplimenta dan l-Att hekk kif jidħol fis-seħħ u biex taċċerta li l-liġi l-ġdida tkun tal-aqwa benefiċċju kemm għall-MGA nnifisha, u anke għall-industrija b’mod ġenerali”; qal il-Kap Eżekuttiv tal-MGA, Heathcliff Farrugia, meta mistoqsi dwar ir-Rapport Annwali tal-2017, fejn irrimarka wkoll kif fil-futur qrib, il-pjan tal-MGA jibqa’ dak li tkun konformi mal-obbligazzjonijiet kollha tagħha, inklużi dawk ġodda, mal-obbligazzjonijiet għal-logħob responsabbli u ma’ dawk meħtieġa fil-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu.