Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li minflok illejla mar il-Parlament biex jiskuża ruħu għall-fatt li lbieraħ ibbojkottja l-Parlament waqt liġi importanti dwar il-vjolenza domestika, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Membri Parlamentari tiegħu reġgħu marru l-Parlament jieħdu r-raġun u jkunu arroganti waqt seduta li ddiskutiet l-istess suġġett.
Ilbieraħ, wara li ma qablitx ma’ ruling tal-Ispeaker tal-Parlament, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet ’il barra mill-Parlament waqt li kienet se tibda diskussjoni dwar il-vjolenza domestika.
Fl-istqarrija l-Partit Laburista tenna li dak li għamlet l-Oppożizzjoni huwa aġir arroganti u insensittiv ta’ min jaħseb li tiegħu biss tajjeb u li jista’ jitkellem hu biss.
Il-Partit Laburista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jinbidilx, u li meta ma jkunx moħbi juża każijiet sensittivi għal skop partiġġjan jew jispiċċa jheda fl-arroganza.
L-istqarrija żiedet tgħid li mhux ta’ b’xejn deputati tiegħu heddew deputati tal-Gvern u mhux ta’ b’xejn il-folla barra l-Parlament kienet vjolenti inċitata mill-istess Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan għax meta żbalja,mminflok talab skuża, wieġeb b’arroganza u insensittività.