12:11: Sfortunatament ftit tal-ħin ilu, Mark Aquilina ħabbar f’kumment taħt il-filmat li wara li għamel kuntatt mal-Isptar tal-Annimali hu ġie infurmat li l-kelb miet kawża tal-ġieħi li ġarrab.
Aquilina qal li jinsab vera ddispjaċut li d-destin tal-kelb kellu jkun hekk, dan wara li huma għamlu dak kollu li setgħu biex isalvawlu ħajtu.
Aktar Qabel: Illum minflok qbadna l-ħut salvajna kelb. Hekk qal Mark Aquilina fuq is-sit soċjali Facebook, li flimkien ma sieħbu Philjohn Azzopardi lbieraħ salvaw kelb ferut li kien maqbud fuq il-blat taħt l-irdum.
Aquilina qal li waqt li kienu sejrin jaqbdu l-ħut lemħu kelb li aktarx waqa’ jew xi ħadd wadbu mill-irdum għal isfel, maqbud uq il-blat.
Hu sostna li għall-ewwel kienet vera diffiċli biex jersqu ħdejn il-kelb minħabba l-blat u l-baħar imqalleb, iżda bix-xogħol siewi ta’ bejn żewġt iħbieb irnexxielhom isalvawlu ħajtu.
Ir-raġel qal li l-kelb kellu ġrieħi gravi u minn hemm ħaduh dritt lejn l-isptar tal-annimali fejn il-veterinarju qalilhom li l-kelb jinsab fi stat ħażin ta’ saħħa.