F’laqgħa teknika, uffiċjali ta’ Infrastructure Malta ħabbru dettalji fil-pjanti preliminari tal-proġett għall-Junction Swieqi-San Ġiljan, investiment li se jwassal biex iż-żona fid-daħla għal Paceville tinbidel mit-traffic lights li jeżistu u minflok tinbena struttura b’livelli differenti.
Intqal kif dan il-proġett qed jiġi ddiżinjat b’tali mod li jiffaċilita r-rotot lill-komunitajiet tal-madwar, ittejjeb is-sigurtà u jorganizza b’mod aħjar l-andament tat-traffiku f’din iż-żona.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, ta rendikont ta’ x’se jkun jikkonsisti dan il-proġett.
“Dan il-proġett kif kont diġà rreferejt għalih qabel jixbah ħafna lil tal-Kappara fejn qed toħloq iżjed rotot diretti, imma, imbagħad, b’roundabout f’livell ieħor separat taħt li twassal għal destinazzjonijiet fil-lokalitajiet ta’ mal-ġenb allura qegħdin nagħmlu filter tat-traffiku li hu destination traffic li sejjer għal dawn il-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u s-Swieqi u nagħmlu distinzjoni minn dawk tar-rotot diretti.”
Dan il-proġett se jkun iffokat l-iżjed tul Triq Mikiel Anton Vassalli u t-toroq tal-madwar, b’konnessjonijiet diretti mill-junction tan-naħa ta’ fuq ta’ Triq Normandy, lejn il-parti t’isfel ta’ Triq il-Marbat, fis-Swieqi.
Il-proġett se jaħseb għal mogħdijiet siguri għal dawk kollha li jaċċessaw iż-żona bil-pass, permezz ta’ bidla fl-underpass, li tinsab bejn Triq is-Swieqi u Triq Santu Wistin.
Sadanittant il-Perit responsabbli mid-diżinn tal-proġett, Robert Zerafa, stqarr magħna dwar x’wassal biex issir bidla f’din il-junction u x’inhu l-pjan.
“Aħna se nkunu qed nidħlu f’din il-proposta biex proprju jsir upgrading tat-triq ħalli t-traffiku tul Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq Sant’Andrija jkun jista’ jsir aktar effiċjenti, imma fl-istess proċess ikun hemm anke titjib konsiderevoli biex vetturi li jridu jaċċessaw iż-żoni tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod aktar sigur u b’mod aktar effiċjenti.”
Tali proġett wkoll hu ddiżinjat biex vetturi li joħorġu minn San Ġiljan fid-direzzjoni lejn il-Belt, jgħaddu minn taħt Triq Mikiel Anton Vassalli u jitilgħu lejn il-karreġġjata, li tagħti lejn Triq Sant’Andrija.
Minflok l-underpass eżistenti li jgħaqqad Triq is-Swieqi ma’ Triq Santu Wistin, il-ħruġ mis-Swieqi se jitjieb b’aċċess minn taħt Triq Mikiel Anton Vassalli.
Wara konsultazzjonijiet estensivi li kellha Infrastructure Malta mal-partijiet konċernati, fosthom il-kunsilli lokali, se tkun qed tissottometti pjanti preliminari quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Ara: