Minn kappella b’affarijiet tal-liturġija, għal dormitorju b’20 sodda għall-gwardjani tal-ħabs.
Din hija r-realtà ġdida fil-kappella tal-ħabs, li dwarha tkellimna ma’ Fr Hayden Williams li bħalissa jinsab maqful fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’miżuri stretti li ttieħdu fil-faċilità korrettiva kawża tal-imxija tal-Coronavirus.
Fr Williams spjega kif issa, minflok is-sagrifiċċju tal-Ewkaristija, fil-kappella hemm is-sagrifiċċju tal-gwardjani, li qed jaffaċċjaw realtajiet tal-ħajja differenti.
Huwa spjega: “Ilbieraħ qed nitkellem ma’ uffiċjal u qalli ‘jiena għandi marti bi tmien xhur tqala. Tlieta li ltqajt magħhom li dawn l-aħħar tliet xhur kellhom tarbija. Sitwazzjonijiet oħrajn, li nqalgħu eżatt qabel dawn l-affarijiet imma xorta qiegħdin hawnhekk. Uffiċjal ieħor li qalli li t-tifla tiegħu ma tistax tifhem li mhux sejjer lura d-dar.”
Spjega kif min jibqa’ joħroġ u ma jagħtix każ il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, ikun qed juri irresponsabbiltà u insensittività lejn min qed jagħmel sagrifiċċju.
Fr Hayden sostna: “Quddiem dan kollu, anke s-soċjetà għandha tirrikonoxxi min qed jagħmel dawn is-sagrifiċċji u għandna nieħdu l-eżempju.”
Fr Hayden irrifletta dwar dawn ir-realtajiet ġodda li ltaqa’ magħhom fil-ħabs, u qasamhom mal-Isqof t’Għawdex f’ittra.
Fl-ittra kiteb li f’uħud mill-priġunieri qed terġa’ tinxtegħel il-fjamma tal-fidi, u kiteb dwar ir-rabta bejn l-Ewkaristija u s-solidarjetà ma’ dawk kollha li qed ibatu.
Din l-ittra waslet il-Vatikan tant li għamel referenza għaliha l-Papa Franġisku.
Huwa kompla jispjega: “Il-fatt li wasalt għad-deċiżjoni quddiem Alla u wara kien hemm din il-konsolazzjoni anke min-naħa tal-Papa. Għalija personali naf li l-Mulej, f’dan iż-żmien tal-epidemija, lili jridni hawnhekk mal-priġunieri u mal-uffiċjali.”