L-ajruplan li ġġarraf fil-Kolombja u li ħalla mejta numru ta’ plejers mit-tim tal-futbol Brażiljan spiċċa mingħajr fjuwil. Dan l-iżvillupp ħareġ minn recording tal-komunikazzjoni bejn il-pilota u l-control tower.
F’dan ir-recording jinstema’ l-pilota jitlob permes rippetutament biex jagħmel inżul ta’ emerġenza minħabba problemi elettriċi u nuqqas ta’ fjuwil. Kienu biss sitt persuni li salvaw minn 77 passiġġier abbord.
It-tim Chapecoense li kien fuq l-ajruplan kellu jilgħab l-ewwel leg tal-finali tal-Copa Sudamericana f’Medellin l-Erbgħa filgħaxija.
Il-partitarji spiċċaw imbikkma isellmu l-memorja tal-istess plejers f’dak li kellhu jkun lejl ta’ għajjat u ferħ li dan it-tim irnexxielu jasal s’hawn. Kienu eluf ta’ nies li bix-xemgħat u lebsin l-abjad inġabru fil-grawnd li fih Chapecoense kellhom jilgħabu kontra Atletico Nacional.
Fl-istess waqt, partitarji ta’ Chapecoense għamlu lejla ta’ talb fil-grawnd tagħhom fil-Brażil, li kien imdawwar b’żigarelli suwed.