Seba’ parruċċani minn Marsaxlokk xehdu fil-Qorti li, kemm ilu li tneħħa l-eks Kappillan Fr Luke Seguna, il-Knisja tal-lokal tinsab f’telqa kbira, bl-attivitajiet twaqqfu kollha u bl-anzjani maqfulin ġewwa djarhom.
Din ix-xhieda ngħatat hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-eks kappillan mixli b’akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus u t-teħid ta’ madwar ħames mitt elf ewro b’qerq mingħand madwar mija u ħamsin parruċċan.
Fix-xhieda tagħhom, is-seba’ persuni qalu li huma kienu jagħtu miżata ta’ għaxar ewro fix-xahar lil Fr Luke, għal xogħlijiet li kien jgħid li se jagħmel u li, eventwalment, kienu jsiru.
Fil-Qorti wkoll, wieħed mill-parruċċani fakkar kif Fr Luke dejjem avża li dokumenti relatati max-xogħlijiet u l-flus li ntefqu kienu aċċessibbli għal kulħadd.
Mistoqsijin dwar jekk kinux jingħataw irċevuta għad-donazzjonijiet tagħhom, ilkoll qalu li dejjem ingħataw waħda jew inkella kienu jsibuha fil-kaxxa tal-ittri tad-dar.