Min jixtieq isir perit, min veterinarju u oħrajn jixtiequ jservu lil pajjiżhom bħala suldati jew pulizija.
Fil-Ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku, disa’ mija u tnax-il tifel u tifla esprimew ruħhom b’mod kreattiv dwar il-karriera li qed jaspiraw fis-Servizz Pubbliku.
F’serata li matulha ġew ippremjati r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, nnota li s-sena li għaddiet ħadu sehem fil-kompetizzjoni aktar minn sitt mitt tifel u tifla, li jfisser li din is-sena kkonkorrew kważi tliet mija aktar.
Is-Sur Cutajar qal li dawn in-numri sbieħ juru li l-messaġġ tas-Servizz Pubbliku qed jasal, u anke f’għajnejn it-tfal, is-Servizz Pubbliku jinsab fuq quddiem nett fis-soċjetà, u t-tfal ukoll huma lesti biex jagħmlu differenza pożittiva fis-soċjetà.
22% tat-tfal qalu li jixtiequ futur fl-arti u fl-isport; 20% huma mħajrin għal karriera fix-xjenza u l-mediċina; 19% jimmaġinaw lilhom infushom fil-forzi dixxiplinati; 16% jixtiequ jaqbdu t-triq ta’ għalliema jew karrieri oħra fil-qasam tal-edukazzjoni; u 13% qed jaspiraw li jaħdmu qalb in-natura u l-annimali.
L-aħħar jum ta’ attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku kien iddedikat lill-istudenti kollha li ħadu sehem fil-kompetizzjoni, li ngħataw l-opportunità li jqattgħu ftit sigħat f’20 post tax-xogħol differenti f’Malta u f’Għawdex.