Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija wasal fit-tieni fażi tiegħu, hekk kif f’Diċembru ser ikunu qed jintagħżlu l-20 kanzunetta uffiċjali li ser jikkompetu fis-semi-finali f’Marzu 2021.
Il-Kanzunetti semi-finalisti ser jintagħżlu mill-35 kanzunetta li ġew magħżula fl-ewwel fażi ta’ dan il-konkors li ġiet fi tmiema biss ġimgħa ilu. B’kollox kien hemm 148 sottomissjoni, bil-Bord ta’ Mużika Mużika jħabbar li kienu ta’ livell għoli ħafna.
“L-għażla tal-35 kanzunetta ma kinitx faċli għall-ġurija tagħna. Il-kanzunetti kollha ġew evalwati bir-reqqa għal diversi kriterji, u kburin ngħidu li dawn kollha kienu ta’ kalibru mill-aqwa”, qal is-Sur Raymond Bugeja, ċ-Chairman ta’ Mużika Mużika.
Filwaqt li jirringrazzjaw lil dawk kollha li pparteċipaw għal dan il-festival tant importanti għall-Mużika Maltija, il-Bord esprima solidarjeta’ ma’ dawk li ma rnexxilhomx jgħaddu għall-ewwel fażi. “Ninkoraġġixxu lil dawk kollha li ma rnexxilhomx jgħaddu mill-ewwel fażi biex ma jaqtawx qalbhom u jerġaw jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom is-sena d-dieħla. It-talent Malti huwa abbundanti u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li s-sottomissjonijiet kollha ta’ kwalita’ għolja. Grazzi lil dawk kollha li offrew is-sapport tagħhom u li kienu parti minn dan il-festival. Flimkien jirnexxilna nerġaw noħolqu pjattaforma xierqa għall-mużika Maltija, kif wara kollox jistħoqqilha”, sostna s-Sur Bugeja.
It-tieni fażi ser tara lill-artisti jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom live, akkumpanjata minn backing track, quddiem ġurija esperta differenti minn dik tal-ewwel fażi. Hawn ser jiġu magħżula l-20 kanzunetta li ser naraw fis-semi-finali f’Marzu 2021. Is-Sur Bugeja qal li preparamenti oħra bħal dawk tekniċi rigward awdjo u viżwali, kif ukoll id-disinn tal-palk, qed jiġu wkoll iffinalizzati. Ikkonkluda billi jgħid li malli l-20 kanzunetta jitħabbru fil-pubbliku, ser insiru nafu aktar dwar il-kantanti, awturi u kompożituri li ser jagħmlu parti minn dan il-festival.
Dan il-festival huwa produzzjoni ta’ Festivals Malta bis-sapport mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u dwar il-kanzunetti magħżula s’issa, irrikorri fuq www.muzikamuzika.org.