Is-suċċess għall-edizzjoni l-ġdida ta’ BRILLANTI Dance qed iwassal sabiex kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija, bosta jsegwu ONE sabiex flimkien ma’ Joseph Chetcuti u t-tim tiegħu jgħixu ħafna emozzjonijiet uniċi ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li kollha jħaddnu ħolma waħda – dik li jirbħu €15,000 iżda aktar minn hekk li jkun/tkun inkurunat/a bħala r-rebbieħ/a ta’ din il-kompetizzjoni taż-żfin.
Din il-ġimgħa, Joseph Chetcuti jeħodna fit-tielet ġimgħa ta’ l-awdizzjonijiet li ser ilaqqgħuna ma’ karattri sbieħ u uniċi li għalihom iż-żfin huwa ħajjithom.
U min ser jaffronta l-ġurija ta’ Brillanti Dance din il-Ġimgha? Min ser ikollu l-kuraġġ li jgħaddi taħt l-għarbiel ta’ Andrea Attila Felice, P Dog u Brenda Lee Grech? Noa Ng ser tkun l-ewwel żgħażugħa li tirfes l-istage ta’ Dar il-Mediterran għall-konferenzi – tgħid Noa NG tgħaddi għall-fażi li jmiss? U x’ ser jiġrilu iċ-ċkejken Mattia waqt li b’tant kunfidenza jagħti esibizzjoni simpatiċissima fl-istil tal-break dance? Din il-ġimgha wkoll Brillanti ser jesponi l-koppja Luke u Ali – tgħid din il-koppja ser tkun unita biżżejjed sabiex tgħaddi għall-kwarti tal-finali? Ser napprezzaw flimkien l-emozzjoni u l-mumenti diffiċli li minnhom ser jgħaddu dawn iż-żgħażagħ bravi żeffiena, bhal per eżempju l-ħelwa Ella Joy Zammit li b’qalbha mtertqa tibqa’ sal-aħħar ma tafx jekk l-avventura fi Brillanti kintix ser tintemm u tkompli.
U ħafna aktar żgħażagħ wieħed wara l-ieħor jittantaw xortihom u jittamaw li l-esebizzjoni tagħhom tkun denja tal-livell mistenni sabiex ikomplu l-avventura f’kompetizzjoni li fi ftit żmien qegħdha tgawdi r-rispett u l-ammizazzjoni ta’ kull min ihobb u jgħix id-dinja taż-żfin.
Fi kliem Joseph stess: ‘Brillanti Dance huwa vjaġġ uniku u speċjali mhux biss għall-parteċipanti iżda aktar u aktar għal dawk kollha li ta’ kull ġimgħa jkunu qegħdin jistennew kompetizzjoni denja u xierqa u spettaklu li jeżalta t-talent Malti fl-aqwa tiegħu – Brillanti huwa dak li qed infittxu fiż-żeffiena tagħna u intikom il-kelma tiegħi li kull programm tul din is-sensiela kollha ser ikun xejn ħlief Brillanti!’