Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u dawk kollha li jaspiraw li joħdulu postu wara l-elezzjoni għal kap, iridu jgħaddu minn proċess ġdid ta’ verifika li ssir fuq kull kandidat prospettiv għal kariga ta’ kap.
Spjegat dan it-Times tat-Tnejn filgħodu li qalet li l-ebda kandidat ma jista’ jibda jikkampanja qabel ma jkun verifikat mill-Kumissjoni Kandidati.
It-Times qalet li l-eżercizzju ta’ verifika jsir fuq ix-xogħol, il-professjoni jew negozju tal-kandidat u jista jieħu sa’ sitt ġimgħat.
L-istatut l-ġdid li ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali f’Ġunju ilhi għaddha jgħid li dawk kollha li se jikkontestaw għal kwalunkwe kariga fil-partit, inkluż dik ta’ Kap iridu jkunu persuni ta’ integrità, onesti u motivati biex iservu lin-nies u l-ġid komuni.
Dan il-proċess iddaħħal bħala parti mir-riforma fl-istatut tal-Partit li għamel l-eks Segretarju Ġenerali tat-tmeninijiet Louis Galea, qabel ma’ dan beda’ jimmanuvra biex itajjar lill-Kap Adrian Delia.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li Delia aċċetta li fl-istatut il-ġdid ikun hemm dan il-proċess ta’ verifika fuq il-kandidati għal Kap Nazzjonalista għax qatt ma basar li kien se jgħaddi minn dan il-proċess huwa stess.
L-stess sorsi spjegaw kif dan l-iżvilupp qed iqajjem tħassib serju fil-kamp ta’ Delia.
Is-sorsi qalu li hemm ċans kbir li l-fazzjoni li qed taħdem biex ittajjar lil Delia mit-tmun f’Tal-Pieta tuża l-proċess ta’ verifika biex Delia jitwaqqaf milli anke joħroġ għal Kap Nazzjonalista.
Dan abbażi tad-dellijiet serji li għandu Delia u li qatt ma naddaf ismu minnhom.
Fost dawn hemm l-allegazzjonijiet li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia fl-2017, li Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Ma’ din tiżdied ukoll l-allegazzjoni li kien għamel David Thake, dik li s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Yorgen Fenech, għadda flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jiġix elett fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.