Wasalna fl-aħħar tas-sena.
Żmien fejn ħafna jieħdu ftit ħin sabiex iħarsu lura lejn is-sena li għaddiet u jaħsbu fuq dak kollu li sawwar ħajjithom tul l-aħħar tnax-il xahar.
F’mawra l-Belt Valletta staqsejna lin-nies x’kienu l-esperjenzi li laqtuhom l-iżjed matul din is-sena.
Bosta tennew li kellhom sena mill-aqwa, b’uħud jinnutaw li saru nanniet.
Uħud tennew is-sodisfazzjon tagħhom għall-ispettaklu li ġabet magħha Valletta elfejn u tmintax – il-belt kapitali ewropea tal-kultura.
Iltqajna wkoll ma’ tfajjel li iktar kmieni din is-sena tela’ ma’ grupp ta’ abbatini l-Vatikan, u ltaqa’ mal-Papa.
Madankollu mhux dejjem kollox ward u żahar.
Raġel li jbati bl-artrite qasam magħna l-esperjenza tiegħu ta’ kuljum, u minkejja l-kundizzjoni tiegħu xorta jagħżel li jħares lejn il-ħajja minn lenti posittiva.
Intant iktar persuni qasmu l-esperjenzi tagħhom magħna filwaqt li awguraw il-festi t-tajba lill-kulħadd.